Filmat: “Il-kera qed togħla aktar mill-pagi” – id-Direttur tal-Caritas

Id-Direttur il-ġdid tal-Caritas, Anthony Gatt, esprima t-tħassib tal-Caritas dwar il-kirjiet għoljin ħafna tar-residenzi. Huwa qal li r-rata tal-kirjiet qed togħla b’rata ħafna iktar mgħaġġla milli qed jogħlew il-pagi u li dan il-fatt qed iġib tbatija lil diversi nies.

F’din l-ewwel intervista tiegħu kemm ilu li sar Direttur tal-Caritas, Anthony Gatt qal li jeħtieġ li jsir studju dwar kemm tista’ tibqa’ sejra s-sitwazzjoni ta’ min jikri b’rati għolja, min jaħdem u ma jlaħħaqx mal-kirjiet u min irid ikompli jibni u mhux isib il-ħaddiema. Dan kollu qabel possibilment tisplodi din il-bużżieqa u jbatu iktar in-nies.

Qed isibu ruħhom bla saqaf fuq rashom

Anthony Gatt qal lil Sylvana Debono fuq l-RTK 103FM li b’mod regolari, nofs dawk li jlestu minn kors residenzjali tal-Caritas għall-persuni li jkunu dipendenti fuq id-droga jsibu ruħhom bla saqaf fuq rashom. Huwa spjega li hemm min ma jiġix aċċettat lura mill-qraba tiegħu. Gatt kompla jgħid li iżda hemm oħrajn li ma jaqilgħux biżżejjed flus biex iżommu lilhom infushom sew għax ikollhom jonfqu tliet kwarti tal-paga għall-kiri.

Anthony Gatt semma kif ftit ilu tkellem ma’ persuna li qed tgħix fit-triq minħabba din is-sitwazzjoni li m’għandhiex saqaf fuq rasha. Tkellem dwar ix-xelters ta’ emerġenza u l-għajnuna li tingħata sakemm dawn il-persuni jsibu saqajhom. Qal li l-Caritas tikkollabora mal-Gvern u ma’ The Alfred Mizzi Foundation permezz ta’ Dar Papa Franġisku u Dar Maria Dolores u Reach.

“Dawk li jiddependu fuq il-kera jinsabu f’riskju ta’ faqar”

Kompla li filwaqt li l-persuni f’riskju ta’ faqar huma dawk bi problemi soċjali, dawk li jgħixu biss fuq il-benefiċċji soċjali u l-anzjani, l-iktar persuni f’riskju huma dawk li m’għandhomx fejn joqogħdu u jiddependu fuq il-kera. Spjega li l-Caritas spiss tiltaqa’ ma’ familji li m’għandhomx biżżejjed x’jieklu.

Anthony Gatt sejjaħ “pożittiv ħafna” s-sitwazzjoni ta’ full-employment u l-fatt li dawk li jħaddmu jitkellmu mal-Caritas biex joffru xogħol lil dawk li jlestu l-programm. Semma l-iżviluppi fl-ekonomija u faħħar il-miżuri biex jgħinu nies biex jinqalgħu mill-benefiċċji tal-qgħad li qal għamlu suċċess kbir.

Il-Caritas se tagħti proposti dwar il-housing

Anthony Gatt spjega li fl-istess waqt qed isir studju intern biex il-Caritas tesprimi l-pożizzjoni tagħha u toffri ideat u proposti dwar il-qasam tal-housing. Qal li l-pajjiż irid jagħmel eżami kbir tal-kuxjenza dwar kif inhi s-sitwazzjoni tal-kirjiet, inkluż l-element ta’ kontroll ta’ prezzijiet minn min qed jikri. Semma wkoll kif il-flus ivvutati għal iktar housing soċjali jistgħu jservu biex itaffu ftit il-problema.

(L-intervista ma’ Anthony Gatt se tixxandar b’mod sħiħ fuq l-RTK is-Sibt 18 ta’ Awwissu fl-10.00a.m. waqt il-programm Newsline.)