Il-Kenniesa tal-Kabinett ifakkru lil Schembri biex jagħti rendikont quddiem l-MEPs

Grupp ta’ attivisti li jsejjaħ lilu nnifsu “Kenniesa tal-Kabinett” inġabru quddiem Kastilja biex ifakkru liċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, ma jinsiex jiltaqa’ mad-delegazzjoni ta’ Ewroparlamentari li ġejja Malta biex tinvestiga jekk il-liġijiet humiex jitħarsu.
Dawn ġejjin Malta l-Ħamis li ġej għal jumejn, u fost l-oħrajn se jiltaqgħu ma’ Membri Parlamentari Maltin, ġurnalisti, attivisti u entitajiet ewlenin oħra.
Fi Frar li għadda, Schembri kien irrifjuta li jiltaqa’ mal-Kumitat PANA, billi bagħat ittra liċ-ċermen tagħha, Werner Langen, xħin iltaqa’ miegħu fit-triq.
L-għada l-Kumitat PANA qal li kien se jerġa’ jistieden lil Schembri, u oħrajn li fi kliemu “żgiċċaw”, fosthom l-eks Ministru għall-Enerġija Ninu Zammit.
Sadanittant, Kenniesa tal-Kabinett qalu li Schembri reġa’ injora talba oħra tal-Ewroparlamentari biex jiltaqa’ magħhom.
Schembri, flimkien mal-Ministru Konrad Mizzi, kellhom kumpaniji sigrieti fil-Panama fi ħdan trust fi New Zealand.
L-attivisti sostnew li ħadd mill-poplu ma vvota għal Schembri, u għalkemm għamel dak li għamel, xorta nżamm mill-Prim Ministru, u għalhekk, skont l-attivisti, il-Gvern Malti bagħat messaġġ li anki jekk tkun korrott, miegħu tista’ tipprogressa xorta waħda.