Il-Kenniesa bi stħarriġ dwar l-iskema tal-passapporti

Ftit jiem wara li l-Gvern fetaħ konsultazzjoni pubblika dwar l-iskema ta’ bejgħ ta’ ċittadinanza (IIP) permezz tal-aġenzija Identity Malta, l-għaqda l-Kenniesa qed tagħmel stħarriġ onlajn sabiex teżamina l-effetti li qed tħalli din is-sistema fuq il-poplu Malti. 
Il-Kenniesa jistaqsu mistoqsijiet dwar is-suq lokali, speċjalment fejn jidħlu l-kiri u l-bejgħ tal-propjetà.
Jistaqsu wkoll l-opinjoni tal-pubbliku dwar kemm iħossu li nies li jixtru l-passaport iħaddnu l-istess prinċipji tal-poplu Malti u Għawdxi kif ukoll jekk l-iskema hix waħda sigura u trasparenti.
Is-servej juża s-sistema tal-iskala Likert li bażikament tagħti ċ-ċans lil dawk kollha li jkunu qed jagħtu t-tweġiba sabiex jikklassifikaw eżatt kemm jaqblu mal-punt li jkun qed jiġi mressaq.
Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), is-sistema tal-IPP kienet għodda essenzjali għall-pajjiż biex ibiddel id-defiċit ta’ €104.1 miljun f’surplus ta’ €112.9 miljun is-sena l-oħra.
Jekk trid tagħti l-opinjoni tiegħek tista’ twieġeb is-servej tal-kenniesa inti wkoll.