Il-Kenja tivvota llum f’ambjent vjolenti

Il-kmamar tal-votazzjoni fil-Kenja llum jinsabu miftuħa, hekk kif il-pajjiż għaddej mill-elezzjoni ġenerali f’ambjent vjolenti.
Il-President Kenjan, Uhuru Kenyatta, li huwa wkoll iben l-ewwel president tal-Kenja bħala pajjiż sovran, jinsab f’taqtiegħa mar-rivali għal ħafna żmien Raila Odinga.
Iż-żewġ kontestanti jinsabu qrib immens, u dan wassal għal sitwazzjoni ta’ tensjoni fil-pajjiż.
Lejlet l-elezzjoni, Kenyatta ħeġġeġ lid-19-il miljun votant jeżerċita d-dritt tiegħu fil-paċi u mingħajr ma’ jaqla’ inkwiet.
Il-ġimgħa l-oħra, hekk kif kienet qed tintemm il-kampanja elettorali, inqatel uffiċjal elettorali għoli, u żdiedu x-xnigħat li l-elezzjoni tista’ titbagħbas.
Fil-fatt, iż-żewġ kandidati evitaw dibattiti jaħarqu bejniethom għax ma jridux li jiġri bħalma ġara fl-elezzjoni tal-2007.
Dakinhar 1,100 Kenjan inqatlu u 600,000 oħra spiċċaw ħarbu minn djarhom minħabba elezzjoni li kienet taħraq bħal din tal-lum.
Kenyatta ta parir biex kulħadd jivvota, imur id-dar minnufih, u jżur lill-ġar, joħodlu b’idejh jew jieklu flimkien, ġej mil-liema tribu jew reliġjon ġej, u jistennew ir-riżultat.
Min-naħa tiegħu, Odinga tenna l-biża tat-tbagħbis, u saħaq li l-150,000 pulizija li hemm fit-toroq illum qegħdin hemm biex jippruvw ibeżżgħu lill-votanti.