​Il-kelma stampata mhux dejjem issib art tajba li tilqagħha – Mons. Salv Grima

Monsinjur Salv Grima qal li permezz tal-parabbola ta’ dak li ħareġ jiżra’ Ġesù juri li l-Kelma mhux dejjem issib art tajba li tilqagħha u li l-istess imur għall-kelma stampata.
Waqt l-omelija tiegħu f’Quddiesa organizzata għal dawk li huma involuti fil-midja, fl-assenza tal-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech, Mons. Grima qal li l-appostolat jista’ jsir b’ħafna modi, fosthom permezz tal-kelma. Qal li din tista’ tixxandar anki b’mezzi u ċirkustanzi varji bit-tama li tilħaq iktar semmiegħa.
Mons. Grima tkellem dwar kif il-ħidma ġurnalistika fil-kamp tal-appostolat tibqa’ meħtieġa, u min ikun involut fiha jrid jammetti li mhux dejjem se tħalli l-frott mixtieq, tant li taħsel taqta’ qalb il-bniedem, bħalma ġara miż-żerriegħa li waqgħet fi bnadi differenti.
Dun Grima fakkar fil-kliem tal-Papa Benedittu XVI li kien insista li dawk li għandhom iż-żerriegħa tal-kelma xi jwasslu, xorta jridu jibqgħu konsistenti u ma jirtirawx minn din il-missjoni jew jaqtgħu qalbhom.
Il-Quddiesa saret fl-24 ta’ Jannar li kienet il-ġurnata tal-Festa ta’ San Franġisk de Sales, Patrun tal-Kittieba u l-Ġurnalisti. Il-Quddiesa ġiet organizzata mill-Għaqda Ġurnalisti Għawdxin fil-Kunvent tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Belt Victoria.
Ritratti: Leo Mike Farrugia