“Il-kelma kummerċ ma taqbilx mal-quddiesa” – L-Isqof Scicluna

L-Isqof Awżiljarju Charles J. Scicluna qal li għalkemm huwa permess li quddiesa tiġi offruta għal ruħ aktar minn persuna waħda, min joffri l-quddiesa għandu jkun avżat li mhux se jkun waħdu.
Waqt il-programm Bir-Rispett Kollu fuq RTK, l-Isqof Scicluna tkellem fost l-oħrajn dwar il-quddies offruti għall-qraba u ħbieb mejtin. 
Spjega kif matul ix-xahar ta’ Novembru, ikunu diversi dawk li jkunu jixtiequ joffru quddiesa għall-għeżież tagħhom, u li għandhom jiġu infurmati biex jiġi evitat li jingħad li qed isir kummerċ.
Żied jgħid li meta tingħata offera għal Quddiesa, dejjem issir Quddiesa esklussivament għall-intenzjoni ta’ min jagħti l-offerta. F’każ li jissemmew aktar minn persuna waħda fil-Quddiesa, dak ifisser li jsir Quddies ieħor skont in-numru tal-intenzjonijiet f’ħin ieħor jew fil-privat.
Mons. Scicluna saħaq li l-kelma ‘kummerċ’ ma taqbilx mal-quddiesa, għax inkella nkunu qed nipprofanaw l-ikbar sagrifiċċju ta’ Ġesu’ stess.
Waqt l-istess programm, l-Isqof tkellem ukoll dwar l-abort, u fost l-oħrajn qal kif minn Ras ir-Randan sal-Ħadd ta’ wara l-Għid, dawk li jkunu għamlu abort ikunu  jistgħu jingħataw maħfra mis-saċerdot stess, mingħajr il-permess tal-Arċisqof. 
Ġew diskussi wkoll suġġetti oħra dwar is-Sinodu dwar il-Familja li qed jiltaqa’ bħalissa fil-Vatikan u l-lingwaġġ tal-Knisja.