Il-kelliema tal-isqfijiet Ewropej għal Malta

Is-sena d-dieħla l-kelliema tal-isqfijiet Ewropej se jiltaqgħu f’Malta. Dan tħabbar fi tmiem laqgħa li saret f’Ruma ftit tal-jiem ilu.

Għal din il-laqgħa Malta kienet irrappreżentata minn Kevin Papagiorcopulo, Delegat għall-Arċisqof għall-Midja, f’isem l-Isqfijiet Maltin.

Kevin Papagiorcopulo qal li huwa ta’ sodisfazzjon għall-Isqfijiet Maltin li jilqgħu f’Malta għal din il-konferenza lill-uffiċjali tal-midja u l-kelliema tal-isqfijiet mill-pajjiżi Ewropej.

Qal li din għandha tkun opportunità li matulha d-delegati jiddiskutu wkoll il-mod li bih il-Knisja fl-Ewropa għandha tikkomunika b’konvinzjoni u b’determinazzjoni, partikolarment fuq temi li jolqtu l-ħarsien tal- ħajja umana f’kull stadju u f’kull pajjiż, inkluż fil-fruntieri tal-Ewropa.

It-tema prinċipali tal-konferenza li saret f’Ruma kienet dwar kif il-Knisja fl-Ewropa għandha twassal l-istedina ta’ Ġesù u l-ferħ tal-Evanġelju f’dinja diġitali, b’mod partikolari liż-żgħażagħ.

Din it-tema ntagħżlet fid-dawl tas-Sinodu tal-Isqfijiet dwar iż-żgħażagħ li sejjaħ il-Papa Franġisku u li se jsir f’Ottubru li ġej fil-Vatikan. Il-konferenza f’Malta se ssir bejn is-17 u d-19 ta’ Ġunju 2019.