Il-kelliema għall-Ministeru tat-Trasport tinħatar CEO ta’ Projects Malta

Jinħoloq irwol ġdid għal Marisa Marmara

Facebook

Read in English.

Dik li kienet il-kelliema għall-Ministeru għat-Trasport issa se tkun qed tieħu postha bħala Kap Eżekuttiv ta’ Projects Malta.

Marisa Marmara li mill-2017 ‘l hawn kienet qed tokkupa l-irwol ta’ kelliema għal Gvern u koordinatur tal-komunikazzjoni fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali nħatret bħala l-Kap Eżekuttiv ta’ Projects Malta. Ħatra li għaliha l-Gvern qal li kellha esperjenza għax qabel kienet taħdem fis-settur privat fejn kella pożizzjonijiet ta’ senior management f’numru ta’ organizzazzjonijiet.

Il-Gvern ħabbar ukoll li l-Inġ James Camenzuli se jżomm postu bħala Kap Eżekuttiv ta’ Projects Plus. Sa issa kien hemm Kap Eżekuttiv wieħed għal Projects Malta u Projects Plus, bl-irwol issa se jinqasam bejn Marmara u Camenzuli.

Fl-istess stqarrija, il-Gvern ħabbar il-ħatra ta’ David Matrenza fil-pożizzjoni ta’ Chairman ta’ Projects Malta u Projects Plus. Il-Gvern qal li David Matrenza ħadem f’diversi rwoli ta’ senior managementf’Malta qabel ħa rwol usa’ barra minn pajjiżna ma’ kumpanija tal-IT fi Munich biex imexxi swieq emerġenti. Intqal ukoll li Matrenza għandu esperjenza estensiva internazzjonali u rritorna lura Malta reċentement wara 20 sena fit-tmexxija tal-operat tal-bejgħ fis-settur tal-IT f’diversi partijiet tad-dinja. F’Malta, huwa kien Chairman u wieħed mill-fundaturi tal-Iskola San Andrea u Chairman tas-Sezzjoni tal-IT fil-Kamra tal-Kummerċ.