Il-kelb tiegħek jista’ jkun fuq Netflix!

Wara s-suċċess tal-ewwel sensiela li kienet tikkonsisti f’sitt puntati, Netflix għadu kif ħabbar li se jkun qed jaħdem it-tieni serje ta’ Dogs.

Kien proprju jumejn ilu li Netflix għamel l-aħbar uffiċjali u qed ifittxu klieb minn madwar id-dinja li jistgħu jkunu protagonisti fil-puntati l-ġodda.

Dawk kollha li huma attivi fuq il-midja soċjali u tħobbu taqsmu ma’ ħaddieħor mumenti partikolari mal-klieb tagħkom, jew inkella tant tħobb il-kelb tiegħek li saħansitra għamiltlu xi paġna fuq Instagram, allura dan jista’ jkun il-mument tiegħek!

X’jirrikjedi biex il-kelb tiegħek jista’ jkun protagonist f’xi puntata mis-sensiela ġdida ta’ Dogs? Sempliċi, irrakkonta l-istorja tal-kelb tiegħek fuq Instagram jew Twitter u żid #netflixdogstory, kif ukoll ittegja @NetflixDogs.

Importanti li l-istejjer ikunu partikolari li jmissu l-qalb u li jqanqlu interess fost dawk li huma abbonati mas-servizz ta’ Netflix.

Kelliema għal din il-produzzjoni saħqet li din is-sensiela qed issir biex twassal stejjer umani permezz tar-relazzjonijiet bejn il-klieb u s-sidien tagħhom.

Jekk interessati, ħudu ritratt tagħkom mal-klieb, iktbu d-dettalji dwar l-istorja tagħkom u tinsewx tagħmlu użu mill-hashtag kif ukoll tittegjaw @NetflixDogs fit-tweet tagħkom.