Il-KE żaret Malta aktar minn 10 darbiet fis-sena – Evarist Bartolo

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo qal li l-Kummissjoni Ewropea għamlet 72 żjara uffiċjali f’Malta bejn l-2013 u l-2019.

Meta kien qed iwieġeb għal mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo, il-Ministru spjega li minn dawn iż-żjarat, 27 minnhom kienu fil-Ministeri kollha li kienu qed jibbenefikaw mill-fondi tal-Unjoni Ewropea, 41 kienu fil-Ministeru responsabbli għall-Affarijiet Ewropej, tnejn fil-Ministeru responsabbli mill-Ambjent u tnejn oħra fil-Ministeru responsabbli mit-Trasport.

Kważi 36,000 viża biex ċittadini Libjani jżuru Malta

Għal mistoqsija oħra tal-istess interpellant, il-Ministru Bartolo qal li ħarġu 35,772 viżi lil ċittadini Libjani biex iżuru Malta. Id-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo staqsa kemm ħarġu visas lil ċittadini Libjani biex ikunu jistgħu jivvjaġġaw lejn Malta mill-2013 sal-2019.