Il-KE trid tapprova investimenti ta’ fabbriki u lukandi f’Malta; Sant kontra

L-Ewroparlamentari Laburista, Alfred Sant ivvota kontra proposta fil-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju tal-Parlament Ewropew (KE) biex kull investiment ta’ fabbriki jew lukandi f’Malta, u fil-pajjiżi Ewropej kollha l-oħra, jiġu approvati mill-KE. Għaldaqstant hu kien f’minoranza.
Fi stqarrija, Sant spjega kif din il-proposta tmur kontra l-interessi tal-pajjiżi ż-żgħar u meżżani. Sostna li f’Malta, fejn diġa diffiċli li tiġbed investiment hekk kif il-pajjiż huwa żgħir, il-proċess tal-approvazzjoni mill-Kumitat Ewropew se toħloq ostaklu li mhux neċessarju.
Kompla jgħid kif din il-proposta se toħloq ostakli politiċi u burokratiċi ġodda għall-investiment minħabba li se tikkrea sistema ta’ one-size-fits-all li tpoġġi stati membri żgħar fi żvantaġġ.
Stqarr li b’din it-tip ta’ proposta, l-istati membri u l-Kummissjoni Ewropea jistgħu jitolbu informazzjoni biex jiskrutinaw l-investimenti diretti fil-manifattura jew fit-turiżmu li skontu “jqajmu tħassib għas-sigurtà jew l-ordni pubblika”.
L-Ewroparlamentari saħaq li filwaqt li proposta bħal din tista’ tkun ta’ benefiċċju għal pajjiżi u ekonomiji kbar, l-istess skrutinju se “jnaffar ditti barranin milli jinvestu dirett f’postijiet bħal Malta.”
Il-proposta se tiġi diskussa u vvotata bħala riżoluzzjoni fil-plenarja tal-Parlament Ewropew f’Ġunju.
Ritratt: Mill-Arkivji