Il-KE tissuġġerixxi lil Malta biex ikun hemm żieda fit-taxxa tar-rimi tal-iskart

Graziella Galea

Il-Kummissjoni Ewropea (KE) qalet li żieda fit-taxxa għar-rimi tal-iskart imħallat ikun ta’ għajnuna biex l-iskart jitbiegħed mill-landfills. Il-KE qalet li ż-żieda fit-taxxa tal-2017 għall-boroż is-suwed (tal-iskart imħallat) taħdem bl-istess mod bħall-ħlas mar-rimi. Intqal li għalkemm it-taxxa hija baxxa, tista’ tgħin biex jiġi skoraġġit l-iskart residwu u jiġi promoss il-ġbir separat għar-riċiklaġġ.

Il-KE qalet dan fir-rapport tagħha r-Rieżami tal-Implimentazzjoni Ambjentali (EIR) 2019 li nkiteb mill-KE fid-Direttorat Ġenerali għall-Ambjent. Ir-rapport li jitkellem dwar l-immaniġġjar tal-iskart f’Malta, it-tniġġiż tal-arja, u l-kaċċa fost temi oħra jelenka wkoll numru ta’ rakkomandazzjonijiet. Dwar it-taxxa għar-rimi tal-iskart imħallat, il-KE qalet li d-dħul jista’ jintuża għas-sostenn tal-implimentazzjoni tal-ġerarkija tal-iskart.

Ir-rapport sħiħ tal-KE huwa maqsum f’ħames sezzjonijiet prinċipali:

  1. L-UE nagħmluha ekonomija ċirkolari, effiċjenti fir-riżorsi, ekoloġika, u kompetittiva b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju
  2. Il-protezzjoni, il-konservazzjoni, u t-tisħiħ tal-kapital naturali
  3. Niżguraw is-saħħa u l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini
  4. Tassazzjoni ekoloġika, akkwist pubbliku ekoloġiku, finanzjament, u investimenti ambjentali
  5. It-tisħiħ tal-governanza ambjentali

Madwar 10 Maltin fis-sena b’mewta prematura minħabba l-istorbju

Il-Kummissjoni Ewropea qalet li l-istorbju ambjentali jikkawża tal-inqas madwar 10 mewtiet prematuri u hu responsabbli għal madwar 20 ammissjoni fl-isptar fis-sena f’Malta. L-istorbju eċċessiv mill-inġenji tal-ajru, mill-ferroviji u mit-toroq hu wieħed mill-kawżi ewlenin ta’ problemi ambjentali relatati mas-saħħa fl-UE. F’Malta, l-istorbju jfixkel l-irqad ta’ madwar 12,000 ruħ.

X’qed isir tajjeb?

Ġew elenkati erba’ punti prinċipali ta’ eżempji ta’ prattika tajba:

  • Il-kampanja Don’t Waste Waste mill-Ministeru għall-Ambjent nediet logħba online bl-għan li l-pubbliku jsir jaf aktar dwar il-prattiki tajba ta’ mmaniġġjar tal-iskart fost affarijiet oħra
  • Il-Festival tax-Xjena u tal-Arti 2018 ta’ Malta ffoka fuq il-pastik billi żied l-għarfien dwar l-effetti tal-iskart tal-plastik fuq il-pjaneta permezz ta’ wirja interattiva
  • Skema ta’ trasport b’xejn għall-iskejjel għall-istudenti kollha
  • Paġna fuq Facebook mill-Ministeru għall-Ambjent biex iżid l-għarfien

Skont ir-rapport għalkemm kien hemm xi progress dwar l-iskart bl-introduzzjoni mal-pajjiż kollu tal-ġbir ta’ borża organika li ġiet varata fil-31 ta’ Ottubru 2018, hemm bżonn ta’ titjib sinifikanti biex l-immaniġġjar tal-iskart jinġieb f’konformità mal-ġerarkija tal-iskart. Ir-rata ta’ riċiklaġġ hi baxxa wisq, ferm inqas mill-medja tal-UE u r-rata tar-rimi f’landfill għadha għolja wisq – aktar minn tliet darbiet il-medja tal-UE. Skont ir-Rapport ta’ Twissija Bikrija (2018) tal-Kummissjoni, Malta hi meqjusa f’riskju ta’ nuqqas ta’ konformità mal-mira ta’ riċiklaġġ ta’ 50 % tal-iskart muniċipali sal-2020. Huma meħtieġa riformi u azzjonijiet ta’ infurzar urġenti f’oqsma importanti.

Kemm qed imutu minħabba t-tniġġiż tal-arja?

It-trasport jirrappreżenta kważi kwart tal-emissjonijiet ta’ gass serra fl-Ewropa u hu l-kawża prinċipali tat-tniġġiż tal-arja fl-ibliet. L-emissjonijiet mit-trasport f’Malta żdiedu b’9% mill-2012 għall-2016. Għall-2015, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent stmat li aktar minn 240 mewta prematura kienu attribwibbli għat-tniġġiż tal-arja.

Fi kliem ir-rapport it-tnaqqas tal-emissjonijiet huwa urġenti fit-trasport bit-triq fid-dawl tan-numru dejjem akbar ta’ karozzi u l-flotta tal-karozzi li qed teqdiem. Miżura importanti li ħadu l-awtorijtajiet hi l-addozzjoni ta’ riforma fis-servizz tat-trasport pubbliku. Ingħad li wieħed mill-objettivi tar-riforma hu li tinkiseb bidla modali minn karozzi għal trasport pubbliku.

Rata baxxa ta’ riċiklaġġ

Skont ir-rapport, ir-rata ta’ riċiklaġġ hi biss ta’ 6%. Dan ifisser li hija “fem inqas” mill-medja tal-UE ta’ 46% u l-mira ta’ 50% għall-2020. Ir-rapport jgħid li l-kompostjar f’Malta huwa prattikament ineżisteni meta mqabbel mal-medja ta’ 17% fl-UE.

Ir-rapport jgħid li Malta għandha fis-seħħ sistema ta’ ġbir bieb bieb mill-unitajiet domestiċi għar-riċiklabbli. “Is-sistema taħdem permezz ta’ żewġ skemi, li jiġbru boroż griżi/ħodor f’jum speċifiku skont il-ftehim stabbilit. Madanakollu, l-implimentazzjoni tagħha seħħet pjuttost bil-mod u kienet akkumpanjata minn tnaqqis fil-frekwenza tal-ġbir tal-iskart residwu (minn ħames darbiet fil-ġimgħa għal tliet darbiet fil-ġimgħa). Minkejja dan, it-tnedija qed tespandi b’mod gradwali.”

Punti oħra li qajjem ir-rapport

  • Minħabba l-limitazzjonijiet ġeografiċi, soċjali, u ekonomiċi tagħha, Malta hi partikolarment vulnerabbli għall-impatti diretti tat-tibdil fil-klima.
  • Jingħad li “Malta għadha ma kkapitalizzatx mit-tibdil tal-iskart f’riżorsa u mir-rati baxxi ta’ riċiklaġġ f’opportunitajiet kummerċjali.”
  • Skont Ewrobarometru tal-2017, 90% tal-Maltin dehru mħassba dwar l-effetti tal-prodotti tal-plastik fuq l-ambjent. Il-medja fl-UE kienet ta’ 87%
  • Instab ukoll li l-ekonomija ekoloġika ta’ Malta għadha waħda mill-iżgħar fl-UE. FL-2017, l-impjiegi ekoloġiċi naqsu meta mqabbla mal-2015
  • It-tibdil lejn ekonomija aktar ċirkolari għadu sfida f’Malta skont ir-rapport. Skont l-indiċi tal-UE dwar l-ekoinnovazzjoni, Malta tinsab fis-26 post fl-UE fl-2016 mit-18-il post fl-2013
  • Għadu m’hemm l-ebda servizz dedikat ta’ ġbir tal-iskart mill-ikel għas-settur tan-negozju tal-iskart

Ir-rapport jiżvela li Malta m’għandhiex strateġija nazzjonali jew pjan direzzjonali dwar l-ekonomija ċirkolari. Jgħid li hemm bżonn ta’ azzjoni komprensiva biex tkun sostnuta ċ-ċirkolarità. Instab li s-sehem ta’ negozji żgħar u medju (SMEs) Maltin li jiġġeneraw aktar minn 50% mid-dħul tagħhom minn prodotti u servizzi ekoloġiċi hi ferm inqas mill-medja tal-UE. Però, is-sehem ta’ kumpaniji li joffru t-tali prodotti jilħaq il-livell tal-UE.

Il-protezzjoni tal-ħabitats u tal-ispeċijiet bl-implimentazzjoni bis-sħiħ tal-istrumenti ta’ Natura 2000 u bit-tisħiħ tal-infurzar tad-direttivi dwar in-natura ilha żmien twil bħala sfida għal Malta. Filwaqt li l-isforzi stabbiliti mill-awtoritajiet f’dan il-qasam huma notevoli, l-għanijiet u l-miżuri ta’ konservazzjoni jeħtieġu azzjoni ulterjuri.

“Skont ir-regolament dwar il-gass fluworurat b’effett ta’ serra, l-istati membri jridu jimplimentaw programmi ta’ taħriġ u ta’ ċertifikazzjoni u regoli għall-penali u jinnotifikaw dawn il-miżuri lill-Kummissjoni sal-2017. Malta rratifikat l-emenda ta’ Doha, iżda, minkejja dan, din għadha ma daħlitx fis-seħħ u malta tqis li hi se tipprovdi ċ-ċifri finali għall-perjodu tal-2022.” Ir-rapport ifakkar ukoll li Malta hi l-uniku stat membru fl-UE mingħajr ebda kwatità rapportata u magħduda skont it-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kyoto.

Il-kaċċa llegali hija sfida għal Malta

Dwar il-protezzjoni, konservazzjoni, u t-tisħiħ tal-kapital naturali l-KE qalet li l-insib u l-qtil illegali ta’ speċijiet protetti għadhom waħda mill-isfidi ewlenin f’Malta. Il-KE qalet li għandu jitlesta l-proċess ta’ deżinjazzjoni ta’ Natura 2000 u li jkun hemm żgurar li l-prattiċi tal-kaċċa u tal-insib jikkonformaw mar-regoli.

Il-KE qalet li informazzjoni dettaljata ppubblikata b’mod uffiċjali hi nieqsa għal Malta fir-rigward ta’ twissijiet, ta’ sanzjonijiet u ta’ konformità wara li jittieħdu miżuri ta’ segwitu u azzjoni ta’ infurzar. Intqal ukoll li skont ċertu tagħrif disponibbli online, l-użu ta’ sanzjonijiet kriminali u amministrattivi għal reati ambjentali hu limitat ħafna f’Malta.

Il-Gvern jgħid li kommess ipoġġi l-ambjent bħala prijorità nazzjonali

F’reazzjoni għar-rapport tal-KE, il-Gvern ħareġ stqarrija li fiha qal li qed jieħu l-miżuri neċessarji u konkreti biex itejjeb l-ambjent Malti. Fil-fehma tal-Gvern, dan ġie kkonfermat mir-rapport tal-KE. Fl-istqarrija tiegħu, il-Gvern ma elenkax il-punti li l-KE ssemmi li jistgħu jitjiebu jew li sejrin ħażin.

Il-Gvern Malti qal li se jkompli jkun kommess li jpoġġi l-ambjent bħala prijorità nazzjonali u se jistudja fid-dettall il-punti mqajma u r-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-KE f’dan ir-rapport biex ikompli jipproteġi mhux biss il-kapital naturali Malti iżda l-kwalità tal-ħajja wkoll. Fi stqarrija l-Awtorità Maltija għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) qalet li l-miżuri ta’ infurzar qed jiġu msaħħa u kkonsolidati, speċjalment bit-twaqqif tad-direttorat ta’ infurzar fl-2018.

Fl-EIR tal-2017, l-isfidi ewlenin ta’ Malta  fl-implimentazzjoni tal-politika u tal-liġi ambjentali kienu li:

  • Tħaffef l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tal-UE dwar limmaniġġjar tal-iskart, minħabba rati estremament għoljin ta’ rimi f’landfill u rati baxxi ħafna ta’ riċiklaġġ
  • Ittejjeb il-kwalità tal-arja fl-aktar żoni urbanizzati billi ddaħħal soluzzjonijiet sistemiċi għall-konġestjoni tattrasport
  • Ittejjeb il-protezzjoni tal-ħabitats u tal-ispeċijiet ta’ interess għall-UE billi timplimenta bis-sħiħ l-istrumenti ta’ Natura 2000 u ssaħħaħ l-infurzar tad-Direttiva dwar l-Għasafar

Mill-EIR tal-2017, Malta għadha ma organizzatx djalogu nazzjonali dwar l-EIR li seta’ jindirizza l-isfidi ewlenin.

Tista’ taqra r-rapport sħiħ bil-Malti minn hawn.