Il-KE tintensifika l-protezzjoni ta’ tfal migranti li jaslu fl-Ewropa

Il-Kummissjoni Ewropea lbieraħ ipproponiet għadd ta’ prijoritajiet li l-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea (UE), Malta inkluża, iridu jsegwu dwar il-protezzjoni tat-tfal migranti li jaslu fil-pajjiż.
Fi stqarrija ppubblikata, il-KE qalet li ltaqgħet sabiex tirrivedi l-qafas ta’ protezzjoni li diġà hemm, iżda li nkixfulu dgħufijiet u nuqqasijiet mindu t-tfal migranti li jaslu fi xtutna żdied konsiderevolment.
Dawn huma l-proposti l-ġodda biex jissaħħaħ dal-qafas:

  • Identifikazzjoni ħabrieka u l-assenjazzjoni ta’ persuna responsabbli milli tieħu ħsieb lil dawn it-tfal kemm jista’ jkun malajr. Proċeduri u rappurtaġġ effettiv dwar tfal mitlufa għandhom jidħlu fis-seħħ
  • Jiġi żgurat l-aqwa ambjent possibbli li jilqa’ lit-tfal, qed nikellmu dwar assistenza legali, saħħa, sapport psikoloġiku u edukzzjoni. Dan mingħajr telf ta’ żmien u irrispettivament mill-istatus tat-tfal. Għandu jsir l-almu kollu biex dawn ma jissakkru mkien.
  • Se jitwaqqaf netwerk Ewropew ta’ persuni li jieħdu ħsieb dawn it-tfal sabiex il-pożizzjoni tagħhom tissaħħaħ. Dan se jgħin biex tiġi identifikata malajr il-familja oriġinali u l-għaqda eventwali magħha.
  • Se jiżdiedu l-fondi sabiex dawn it-tfal jiġu integrati fis-soċjetà li tilqagħhom, billi jitgħallmu n-normi tagħha.
  • Iridu jibda jiġi indirizzat l-għerq tal-isfidi li jwasslu biex tfal jaħarbu minn pajjiżhom. Ħidma aktar sfiqa ma’ dawn il-pajjiżi min-naħa tal-UE tgħin sabiex jitnaqqas it-traffikar ta’ tfal, kif ukoll biex dawn ikunu protetti fir-rotta tagħhom ’il barra minn pajjiżhom.

Dawn il-miżuri, qalet il-KE, jeħtieġ jittieħdu fuq livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali kif ukoll lokali.
Sadanittant, ilbieraħ ittieħdu l-ewwel passi li jibnu fuq il-Komunikazzjoni Konġunta bejn ir-Rotta Ċentrali Mediterranja u l-d-Dikjarazzjoni ta’ Malta.
Għalhekk, it-Trust Fund Ewropew għall-Afrika addotta programm ta’ €90 miljun sabiex titjieb il-protezzjoni tal-migranti u r-rinfurzar tal-immaniġġjar tal-migranti fil-Libja, wara li dan l-aħħar kienu bosta l-aħbarijiet dwar it-trattament xejn tajjeb tagħhom f’dal-pajjiż.