Il-KE tgħid lil Malta tipproteġi lill-ħaddiema li jispiċċaw bla xogħol

Malta għandha tara li tieħu ħsieb lil dawk il-ħaddiema li se jispiċċaw qiegħda minħabba l-pandemija tal-coronavirus. Din hija waħda mir-rakkomandazzjonijiet li l-Kummissjoni Ewropea għamlet lil Malta, peress li l-Kummissjoni Ewropea ħarġet rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull stat membru sabiex dan jirkupra ekonomikament mill-pandemija tal-coronavirus, b’enfasi fuq l-iżjed sfidi urġenti.

Ir-rakkomandazzjonijiet huma msejsa fuq żewġ oġġettivi: li jiffaċċjaw il-konsegwenzi soċjoekonomiċi negattivi severi, u li jirnexxilhom iwasslu għal tkabbir sostenibbli u inklussiv.

Lil Malta, il-Kummissjoni Ewropea rrakkomandatilha li meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, tikseb policies fiskali bil-għan li dawn jiksbu pożizzjonijiet fiskali prudenti u jkun hemm sostenibbiltà fid-dejn, filwaqt li jikber l-investiment.

Malta hija rakkomandata li ssaħħaħ is-sistema tas-saħħa, permezz tal-ħaddiema, tal-prodotti mediċi kritiċi u tas-saħħa primarja.

Apparti dan, Malta għandha tikkonsolida arranġamenti għax-xogħol, u tieħu ħsieb li l-ħaddiema kollha li jispiċċaw qiegħda jkunu protetti. Malta għandha ssaħħaħ il-kwalità u l-inklussività tal-edukazzjoni u tat-taħriġ fil-ħiliet.

Rakkomandazzjoni oħra hija li Malta tiżgura li jkun hemm implimentazzjoni effettiva tas-sapport finanzjarju lin-negozji affettwati, anke lis-self-employed. Dan hija rakkomandata tagħmlu billi toħloq proġetti ta’ investiment pubbliku filwaqt li tippromwovi investiment privat. L-investiment għandu jkun iffukat fuq it-tranżizzjoni ħadra u diġitali, partikolarment fuq il-produzzjoni nadifa u effiċjenti tal-enerġija, fuq it-trasport sostenibbli, l-immaniġġjar tal-iskart, ir-riċerka u l-innovazzjoni.

L-aħħar rakkomandazzjoni għal Malta tirrigwarda r-riforma kostituzzjonali, billi l-Kummissjoni qalet lil Malta li għandha tieħu ħsieb ittemm ir-riformi li jindirizzaw in-nuqqasijiet istituzzjonali u ta’ governanza sabiex titjieb l-indipendenza ġudizzjarja. Malta hija rakkomandata tkompli bl-isforzi biex tassessja u tiġġieled ir-riskji tal-ħasil tal-flus, u biex tiżgura li jkun hemm infurzar effettiv tal-qafas ta’ kontra l-ħasil tal-flus. Fl-aħħar, Malta għandha tara li tindirizza s-sistema tat-taxxa sabiex tiffaċilita ppjanar tat-taxxa minn individwi u kumpaniji li joperaw f’diversi pajjiżi.

Aqra r-rapport sħiħ hawn.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn