​Il-KE tgħid li Malta se jkollha l-ikbar tkabbir ekonomiku fl-UE

Fit-tbassir ekonomiku tagħha l-Kummissjoni Ewropea qed turi li kemm din is-sena u d-dieħla, Malta se jkollha l-ogħla rata ta’ tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea.
Fi stqarrija l-Gvern ikkwota lill-KE li qalet li dan japplika wkoll fil-qasam tal-impjiegi, fejn Malta ilha mill-2013 ikollha l-ikbar tkabbir.
L-esperti tal-Kummissjoni Ewropea qed ibassru li s-surplus tal-gvern se jibqa ‘l fuq minn 1% tal-ġid nazzjonali, jiġifieri d-doppju tat-tbassir li kienu għamlu ftit xhur qabel. Saret reviżjoni wkoll fil-piż tad-dejn nazzjonali fejn għas-sena d-dieħla, il-Kummissjoni qed tantiċipa li d-dejn jersaq lejn l-43%.
Il-Gvern sostna li l-esperti tal-Kummissjoni Ewropea qed ibassru rata ta’ tkabbir ekonomiku ta’ 5.8% għal Malta fl-2018 u 5.1% fl-2019. 
Filwaqt li qed ibassru li r-rata tal-qgħad tibqa f’livell baxx rekord, l-esperti tal-Kummissjoni jgħidu li l-pagi f’pajjiżna se jogħlew b’iktar mill-medja Ewropea.
"Il-KE tikkonferma s-sostenibiltá tal-ekonomija Maltija" – Edward Scicluna
Intant il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li l-Kummissjoni Ewropea ikkonfermat is-sostenibiltà fiskali u l-ekonomija b’saħħitha ta’ Malta. Qal li t-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż huwa fost l-aktar li qed jimxi b’pass mgħaġġel u qed jistenna wkoll li s-surplus ekonomiku se jibqa’ jinżamm fiż-żmien li ġej.