Il-KE tapprova skema Maltija dwar tunnellaġġ marittimu

Il-Kummissjoni Ewropea approvat l-iskema proposta minn Malta għal taxxa fuq it-tunnellaġġ, u kienet approvata għal 10 snin f’emendi kif proposti mill-Gvern Malti.
L-iskema taqa’ taħt ir-regoli tal-UE dwar għajnuna mill-istat.  Din l-approvazzjoni ngħatat wara li fl-2012, il-Kummissjoni Ewropea kienet fetħet proċeduri kontra Malta dwar l-għajnuna li Malta kienet qed tagħti f’dan il-qasam. Il-Kummissjoni investigat kif is-sistema ta’ tassazzjoni ta’ tunnellaġġ f’Malta kienet titqabbel ma' dik fl-UE.
Wara l-investigazzjoni li saret mill-KE kien deċiż li l-KE tapprova l-iskema proposta minn Malta iżda b’emendi li għandhom jiddaħħlu minn Malta. 
Malta impenjat ruħha għal numru ta’ tibdil fl-iskema biex tnaqqas il-possibiltà ta’ diskriminazzjoni bejn kumpaniji tat-tbaħħir. Fost it-tibdil hemm li titneħħa l-eżenzjoni ta’ taxxa għal shareholders, minħabba li dan jikkostitwixxi għajnuna mill-istat.
Il-Kummissarju inkarigata mill-politika tal-kompetizzjoni Margrethe Vestager qalet li kuntenta li Malta adattat l-iskema tat-taxxi tagħha biex jintlaħaq dan il-ftehim. Minn naħa tiegħu l-Ministru għat-Trasport Ian Borg qal li dan huwa pass importanti għas-settur tat-tbaħħir f’Malta.
Id-diskussjonijiet ħadu b’kollox ħames snin.