Il-KE tapprova l-iskema ta’ garanzija Maltija ta’ għajnuna lill-ekonomija

Read in English.

Il-Kummissjoni Ewropea approvat skema ta’ għajnuna mill-Istat Malti biex issostni l-ekonomija fil-kuntest tal-pandemija tal-coronavirus. L-iskema ġiet approvata skont il-Qafas Temporanju għall-għajnuna mill-Istat b’sostenn tal-ekonomija fil-kuntest tal-pandemija kurrenti.

Il-Viċi President Eżekuttiv Margrethe Vestager, li hija responsabbli mill-politika tal-kompetizzjoni, qalet: “Din l-iskema Maltija ta’ €350 miljun tfisser li se jkunu jistgħu jingħataw garanziji tal-Gvern b’sostenn għall-ekonomija Maltija matul il-pandemija tal-coronavirus. Se tkun ta’ għajnuna biex in-negozji jkopru l-bżonnijiet immedjati ta’ kapital operatorju, u biex ikomplu l-attivitajiet tagħhom f’dawn iż-żminijiet diffiċli. Aħna għadna għaddejjin b’ħidma mill-qrib mal-Istati Membri biex niżguraw li l-miżuri ta’ appoġġ nazzjonali jkunu jistgħu jiġu implimentati f’waqthom, b’mod koordinat u effettiv, f’konformità mar-regoli tal-UE.”

Malta nnotifikat lill-Kummissjoni skont il-Qafas Temporanju bi skema ta’ garanzija għal self ta’ kapital operatorju mogħti mill-banek kummerċjali bħala sostenn lill-kumpaniji milquta mill-pandemija talcoronavirus. L-iskema għandha baġit stmat ta’ €350 miljun.

Il-Kummissjoni sabet li l-miżura Maltija hija konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Qafas Temporanju. B’mod partikolari li l-ammont ta’ self sottostanti għal kull kumpanija huwa marbut mal-kopertura tal-bżonnijiet ta’ likwidità tagħha għall-futur prevedibbli, li l-garanziji se jingħataw biss sal-aħħar ta’ din is-sena, li l-garanziji huma limitati għal massimu ta’ sitt snin, u li l-premium ta’ tariffi ta’ garanzija ma jaqbżux il-livelli previsti mill-Qafas Temporanju.

Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżura hija meħtieġa, xierqa u proporzjonata biex tirrimedja taħwid serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru minħabba l-pandemija tal-coronavirus.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn