Il-KE tapprova l-iskema Maltija ta’ €215-il miljun biex jissalvaw ix-xogħlijiet

Il-Kummissjoni Ewropea approvat l-iskema Maltija ta’ €215-il miljun fil-qasam tax-xogħol sabiex tagħti sapport lill-kumpaniji fis-setturi li ġew affettwati mill-imxija tal-coronavirus. L-iskema ġiet approvata bħala parti mill-Qafas Temporanju ta’ state aid li ġie addottat mill-Kummissjoni fid-19 ta’ Marzu u emendat fit-3 t’April.

Il-Viċi President Eżekuttiv Margrethe Vestager qalet li din l-iskema se tgħin lil min iħaddem iżomm lill-impjegati f’dawn iż-żminijiet diffiċli.

Malta avżat lill-Kummissjoni b’din l-iskema, li mingħajrha, min iħaddem ikollu jkeċċi lill-impjegati. L-iskema se tkun aċċessibbli għall-kumpaniji ta’ kull daqs, u anke għal min jaħdem għal rasu f’setturi milqutin ħażin mill-kriżi tas-saħħa kurrenti u mill-miżuri addottati mill-awtoritajiet.

Il-Kummissjoni rat li din l-iskema hija konformi mal-kundizzjonijiet tal-Qafas Temporanju. Dan għaliex il-miżura se tiffinanzja parti mill-paga tal-impjegati li kieku kienu jitkeċċew, l-għajnuna hija proporzjonata peress li tasal sa €800 għal impjegat full-time fix-xahar, u l-iskema hija għal massimu ta’ 12-il xahar.

Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li din l-iskema hija neċessarja, addattata u proporzjonata, u b’hekk approvatha.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn