Il-KE tagħti aktar fondi biex jimxi l-proġett tal-pipeline

Il-Kummissjoni Ewropea approvat aktar fondi għal studji fil-proġett tal-pipeline bejn Malta u Sqallija.
Il-fondi se jkunu allokati biex isiru l-istudji li jmiss f’dal-proġett, u b’kollox Malta se tkun qed tingħata aktar minn €3.5 miljun, jiġifieri 50% tal-fondi eliġibbli.
L-applikazzjoni mhux biss ġiet approvata iżda l-proġett ġie kklassifikat l-ewwel wieħed.
Għal din l-aħbar irreaġixxa l-Ministru għall-Enerġija, Joe Mizzi, li qal li b’din id-deċiżjoni se jiġi assigurat li nimxu b’pass tajjeb fit-twettiq tal-pipeline li jgħaqqad lil Malta ma’ Sqallija.
“Din id-deċiżjoni tfisser bla dubju li l-Kummissjoni Ewropea temmen bis-saħħa fil-valur ta’ dan il-proġett. Min-naħa tiegħi ma nistax ma nirringrazzjax lill-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma u lil kull min ħadem u qed jaħdem f’dan il-proġett tax-xogħol tagħhom”, żied jgħid il-Ministru.
Mizzi temm jgħid li dan il-proġett huwa wieħed mill-pilastri tal-Politika Nazzjonali ta’ dwar l-enerġija bl-iskop li jiġu assigurati sostenibbiltà, provvista sigura u affordabbiltà.