Il-KE se tieħu azzjoni kontra Malta fuq il-kaċċa u l-insib

Aġġornat 10:52 PM

Read in English.

Il-Kummissjoni Ewropea se tieħu azzjoni kontra Malta dwar il-kaċċa u l-insib.

Il-Gvern ħabbar fi stqarrija li ħa nota taż-żewġ ittri ta’ avviż formali mibgħuta mill-Kummissjoni Ewropea dwar id-deroga għall-għanijiet tar-riċerka u t-tagħlim fir-rigward tal-għasafar tal-għana u dwar is-sistema ta’ infurzar u derogi b’rabta mad-Direttiva dwar l-Għasafar.

Huwa qal li filwaqt li se jwieġeb fiż-żmien stipulat, huwa kommess li jibqa’ jiddefendi l-interessi tal-kaċċaturi u tan-nassaba Maltin u Għawdxin biex jiġu protetti d-drittijiet tagħhom.

Il-Gvern saħaq li hu konvint li d-derogi applikati huma konformi mal-liġijiet tal-Unjoni Ewropea dwar l-għasafar u fost is-salvagwardji eżistenti, il-Gvern qal li hemm sistema ta’ infurzar ogħla minn dik li kienet talbet il-Kummissjoni stess.

F’Ottubru, il-BirdLife qalet li l-ftuħ tal-istaġun tal-insib “hu attentat iddisprat biex il-Gvern ibaxxi rasu għal lobby żgħir voċiferu li qed jitħalla jonsob għal seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana taħt il-premessa ta’ proġett ta’ riċerka. Kulħadd jaf li l-maġġoranza assoluta tan-nassaba se jżommu l-għasafar li jaqbdu għax jafu li m’hemm l-ebda sorveljanza jew infurzar. L-istaġun tal-insib, taħt l-iskuża ta’ riċerka, mhu xejn ħlief daħka fil-wiċċ. Minbarra f’dan, hu fatt magħruf li n-numri ta’ għasafar ikkaċċjati jew minsuba li jiġu rrappurtati mill-kaċċaturi u n-nassaba Maltin matul is-snin hu ferm inqas min-numri maqbuda.”

Il-Gvern żied jgħid li fuq l-insib tal-pluviera u tal-malvizz, kienet il-Kummissjoni Ewropea stess li talbet emendi fil-qafas legali biex jiġi konformi mad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fuq l-insib tal-għasafar tal-għana.

Huwa argumenta li kienet il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea stess fl-2009 li ddikjarat li, fil-każ ta’ Malta, m’hemmx soluzzjoni oħra għall-kaċċa tal-gamiema u tas-summiena f’Malta. F’Novembru 2019, il-Kummissjoni Ewropea saħansitra talbet lil Malta tanalizza f’aktar dettall il-popolazzjoni ta’ referenza taż-żewġ speċi u mbagħad il-Kumitat Ornis kien qabel unanimament li dan il-proġett ta’ riċerka fuq il-pluviera u l-malvizz għandu jsir.

L-organizzazzjoni BirdLife ħabbret li se tindirizza konferenza stampa fl-uffiċċji tagħha fil-4.45pm dwar din il-kwistjoni.

“Agħti kas it-twissijiet tal-UE dwar il-kaċċa” – BirdLife Malta lill-Gvern

Il-BirdLife Malta appellat lill-Gvern biex jagħti kas it-twissijiet tal-UE u immedjatament jissospendi d-derogi. Dan ħareġ waqt konferenza tal-aħbarijiet, indirizzata mis-Segretarju Ġenerali ta’ BirdLife Malta Saviour Balzan, mill-Kap Eżekuttiv Mark Sultana u mill-Kap tal-Konservazzjoni Nicholas Barbara.

Huma insistew li l-azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar id-deroga l-ġdida tal-insib għall-għasafar tal-għana ftit ġimgħat biss wara li nfetaħ l-istaġun, turi li l-UE hija xettika dwar l-istudju xjentifiku u “tagħti raġun lill-BirdLife f’dak li kienet qed tgħid.”

Spjegaw ukoll kif l-applikazzjoni korretta tad-Direttiva dwar l-Għasafar tirrikjedi li jkun hemm sistema ġenerali ta’ ħarsien għall-għasafar u tippermetti biss derogi soġġetti għal kundizzjonijiet stretti. L-istqarrija tgħid ukoll li l-Patt Ekoloġiku Ewropew (European Green Deal) u l-Istrateġija Ewropea għall-Biodiversità (European Biodiversity Strategy) jindikaw li huwa kruċjali li l-UE twaqqaf it-telf tal-biodiversità tagħha billi tipproteġi u tirrestawra l-biodiversità.