Il-KE din il-ġimgħa tiddeċiedi fuq il-baġit ta’ Malta

Hekk kif fadal inqas minn tliet ġimgħat għas-17 ta’ Novembru, il-ġurnata indikata li fiha se jiġi ppreżentat il-baġit tal-Gvern għall-2015, il-Kummissjoni Ewropea għadha għaddejja bil-proċess ta’ skrutinju.
Fil-ġranet li għaddew, il-Kummissjoni talbet lill-Gvern aktar dettalji u kjarifiki fuq il-baġit għall-2015.
Kelliem għall-Kummissjoni Ewropea qal ma’ Newsbook.com.mt li apparti Malta, l-Kummissjoni se tiddeċiedi wkoll fuq rakkomandazzjonijiet għall-baġit ta’ Franza, l-Italja, l-Awstrija u s-Slovenja.
Qal li d-deċiżjoni dwar il-baġit ta’ Malta se tasal fi tmiem din il-ġimgħa filwaqt li enfasizza li din hija prattika normali wara d-dħul fis-seħħ tal-liġijiet ġodda fiskali Ewropej u għalhekk ma jfissirx li l-baġit ta’ Malta mhux se jiġi approvat.
Ma’ Newsbook.com.mt, il-Kelliem għall-Kummissjoni qal li jsiru laqgħat tekniċi mal-Gvernijiet biex jingħataw dettalji fuq kif se jkunu qed jintlaħqu ċertu miri.
Fi stqarrija maħruġa fil-ġranet li għaddew, il-Ministeru għall-Finanzi kien sostna li s-sena li għaddiet, qabel ma ġie ppreżentat il-baġit għal din is-sena, il-Kummissjoni Ewropea kienet daħlet f’laqgħat tekniċi ma’ Malta.
Dwar dawn ir-rakkomandazzjonijiet, l-Italja tinsab lesta li tnaqqis id-defiċit strutturali b’0.3% filwaqt li Franza se tnaqqas uħud mill-miżuri mħabbra biex tiffranka mat-€3.6 miljun.