Il-KE b’rakkomandazzjonijiet dwar il-bejgħ taċ-ċittadinanza

Għada l-Kummissjoni Ewropea mistennija toħroġ sett ta’ rakkomandazzjonijiet lil Stati Membri tal-Unjoni Ewropea dwar il-bejgħ taċ-ċittadinanza, magħrufin bħala l-“golden visas”. Ir-rapport li se jiġi ppubblikat għada jeżamina l-iskemi maħsuba li jiġġeneraw biljuni ta’ ewro f’Malta, f’Ċipru u fil-Bulgarija.

Skont il-Kummissjoni l-iskemi tal-bejgħ taċ-ċittadinanza jew residenza jattrattaw diversi investituri sinjuruni minn pajjiżi barra l-UE. Tgħid ukoll li dawn wasslu biex infetaħ il-bieb għall-iktar korruzzjoni, ħasil ta’ flus u kriminalità organizzata u għalhekk mistenni li tirrakkomanda biex ikun hemm verifiki ta’ sigurtà iktar stretti.

L-ewwel rakkomandazzjonijiet huma dwar kif il-pajjiżi għandhom jipproteġu l-iskemi taċ-ċittadinanza b’investiment, fejn il-Gvern joffri d-dritt għar-residenza jew iċ-ċittadinanza bi ħlas, mill-abbuż. Kien biss ftit xhur wara l-elezzjoni tal-2013, li f’Malta ddaħħlet din l-iskema li biha beda jinbiegħ il-passaport Malti. Il-kumpanija Henley & Partners kienet iddisinjat din l-iskema.

Skont il-Financial Times il-Kummissjoni ħadet azzjoni wara l-iskandlu tal-ħasil ta’ flus tal-każ ta’ Danske Bank li fih kien jinvolvi l-fergħa tal-bank fl-Estonja.

AQRA: Investigata kumpanija Skoċċiża li kellha kont ma’ Pilatus Bank

Il-passaport ta’ stat membru fl-Unjoni Ewropea ġġib miegħu diversi benefiċċji bħal moviment liberu fil-pajjiżi. Diversi attivisti madwar l-Ewropa kienu diġà wissew dwar in-nuqqas ta’ trasparenza f’dawn l-iskemi.

Madwar 20 Gvern fl-Unjoni fosthom ir-Renju Unit, il-Portugall u Spanja joffru drittijiet ta’ residenza limitata lill-persuni li ġejjin minn barra l-Unjoni jekk dawn jinvestu fi propjetà, bonds tal-gvern fost skemi oħra.

Ir-rapport jgħid li l-iskemi joħloqu diversi riskji għall-istati membri u għall-Unjoni. Fost dawn ir-riskji hemm dawk relatati ma’ sigurtà fosthom il-possibilità li jinfilitraw gruppi organizzati ta’ kriminalità minn barra l-UE, kif ukoll riskji ta’ evażjoni tat-taxxa, ħasil ta’ flus u korruzzjoni, skont l-abbozz tar-rapport li rat il-Financial Times.

Il-Kummissjoni tosserva wkoll kif l-kumpaniji privati li jaħdmu flimkien mal-Gvern Malti u dak ta’ Ċipru fuq dawn l-iskemi ma għandhom l-ebda obbligi legali li jagħmlu l-verifiki skont il-liġijiet ta’ kontra l-ħasil ta’ flus tal-Unjoni.

Skont riċerka li saret minn Global Witness u Transparency International kien hemm madwar €25 biljun ta’ investiment dirett barrani fil-pajjiżi tal-Unjoni minn dawn it-tip ta’ skemi.

Minkejja li l-Kummissjoni ma għandha l-ebda saħħa diretta biex tinfurza dawn ir-rakkomandazzjonijiet, se tkun qed tfittex li jiġi maqbula numru ta’ verifiki tas-sigurtà kommuni għall-applikanti bejn il-pajjiżi. Il-Kummissjoni se tkun qed taħdem biex jiġu ppubblikati listi bin-numru ta’ applikazzjonijiet li saru u kemm minnhom ma ntlaqawx. Kif ukoll mil-liema pajjiżi kienu ġejjin dawk li applikaw. Il-Kummissjoni mistenniha taħdem biex dawn il-listi jkunu mandatarji.

Ir-rapport ma jikkritikax il-pajjiżi b’mod dirett.