Il-KE b’kuntratt għall-ħames vaċċin kontra l-Covid-19

Pexels

Read in English.

Illum il-Kummissjoni Ewropea approvat il-ħames kuntratt mal-kumpanija farmaċewtika CureVac, li jipprevedi x-xiri ta’ 225 miljun doża f’isem l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea, flimkien ma’ għażla li jintalbu sa 180 miljun doża oħra, li se jingħataw ladarba jkun instab li l-vaċċin huwa sigur u effettiv kontra l-Covid-19.

Il-kuntratt tal-lum ma’ CureVac ikabbar il-portafoll wiesa’ ta’ vaċċini li se jiġu prodotti fl-Ewropa, inklużi dawk il-kuntratti diġà ffirmati ma’ AstraZenecaSanofi-GSKJanssen Pharmaceutica NV u BioNtech-Pfizer, u d-diskussjonijiet esploratorji konklużi b’suċċess ma’ Moderna.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, qalet: “Ftit jiem wara li ffirmajna l-kuntratt ma’ BioNTech u Pfizer, għandi pjaċir inħabbar ftehim ġdid ma’ kumpanija Ewropea promettenti. Il-Kummissjoni s’issa tista’ tiggarantixxi mill-inqas 1.2 biljun doża u qed tissodisfa l-impenn tagħha li tiżgura aċċess ekwu għal vaċċini siguri, effettivi u affordabbli, mhux biss għaċ-ċittadini tal-UE iżda wkoll għall-persuni l-aktar foqra u vulnerabbli fid-dinja. Ħafna minn dawn il-vaċċini kandidati jinsabu f’fażi avvanzata tal-provi kliniċi. Nittamaw li ladarba l-awtorizzazzjoni tikkonferma dawn ir-riżultati pożittivi, se jitqassmu malajr kemm jista’ jkun u se jgħinuna negħlbu l-pandemija.”