Read in English.
Malta mistennija tirċieivi kważi biljun ewro mill-pjan ta’ €750 biljun li żvelat il-Kummissjoni Ewropea biex l-Ewropa tirkupra mill-effetti tal-coronavirus.
Sorsi intiżi mal-politika tal-UE qalu lil Newsbook.com.mt li s-somma li se tirċievi Malta toqrob lejn il-€992 miljun.
Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-PN fil-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet lil Newsbook.com.mt li rapporti mhux uffiċjali qed jgħidu li Malta se tirċievi kważi biljun ewro. Qalet li dawn il-grants u l-loans se jkunu essenzjali biex jiġu protetti x-xogħlijiet.
L-MEP tal-PN David Casa qal li Malta se tgawdi bil-kbir mill-għajnuna Ewropea.
“Dan l-appoġġ se jindirizza l-isfidi tal-preżent filwaqt li jżomm f’moħħu l-ambizzjonijiet tal-futur,” kiteb Casa fuq Facebook.
Skont ir-Reuters, ammont kbir mill-flus se jmorru għand l-Italja u Spanja. Dawn iż-żewġ pajjiżi li ntlaqtu l-agħar mill-pandemija għandhom jirċievu €313 biljun bejniethom.
Ġie rrappurtat lil mill-750 biljun ewro, żewġ terzi se jkunu fi grants iffinanzjati mill-joint borrowing. It-terz l-ieħor se jkun f’self.
F’indirizz illum, il-President tal-KE Ursula von der Leyen qalet li l-kriżi li trid tiġġieled l-Ewropa kienet “enormi”. Però, qalet li hija opportunità kbira għall-Ewropa. Spjegat li hija responsabbilità kbira biex jagħmlu l-għażla t-tajba f’dan il-mument tant importanti.