Il-KDŻ f’kuntatt m’aktar minn 5,000 adolexxent u żagħżugħ

Hekk kif fil-jum tas-Sibt tlaqqgħet l-assemblea ġenerali taż-żgħażagħ, f’konferenza tal-aħbarijiet, il-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ fakkret fit-tletin sena ta’ ħidma fi ħdan il-Knisja. L-Arċisqof ta’ Malta Mons. Pawlu Cremona sostna li l-aħbar it-tajba hi li f’pajjiżna qed jiżdiedu ż-żgħażagħ li jattendu xi grupp jew xi għaqda biex b’hekk jibqgħu jikbru fil-formazzjoni u l-fidi tagħhom.

Min-naħa tiegħu, l-President tal-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ Anthony Mifsud fakkar kif 30 sena ilu, diversi diriġenti ngħaqdu flimkien għall-ewwel darba u llum il-KDŻ tinteressa ruħha fl-akkumpanjament ta’ diversi żgħażagħ u għandha kuntatt ma’ 5,000 adolexxent u żagħżugħ. Il-KDŻ li forsi hi magħrufa ma’ ħafna għal diversi attivitajiet fosthom il-Jum Dinji Żagħżagħ. Hi network ta’ 70 għaqda u moviment.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet intqal li l-Knisja għamlet għażla li tinvesti fil-persuni biex ikun hemm aktar ‘leaders’ iffurmati u saħansitra tnediet roadmap ċara dwar kif il-‘leaders’ u l-gruppi se jkunu qed jimxu b’mod aktar ċar. Intqal li bħalissa hemm 18-il persuna li qed jattendu kors tal-M.Sc. Youth Ministry, mal-150 li qed isegwu kors f’Youth Leadership, filwaqt li mijiet oħra qed isegwu diversi korsijiet differenti.

F’kummenti ma’ Newsbook, il-President tal-KDŻ, Anthony Mifsud, elabora dwar id-diversi inizjattivi li qed jittieħdu biex aktar ‘leaders’ ikunu mħarrġa u bhekk ikunu kapaċi jaffrontaw liż-żgħażagħ fil-problemi li jkunu għaddejjin minnhom.