Il-Kċina tal-President tipprepara ikliet għall-ħaddiema fl-isptar

OPR

L-Uffiċċju tal-President qed juri solidarjetà mal-ħaddiema tal-Isptar Mater Dei billi qed jibgħat ikliet imsajrin mill-Kċina tal-Palazz ta’ Sant’Anton lill-impjegati tal-isptar li bħalissa qed jaħdmu lejl u nhar biex jikkontrollaw l-imxija tal-coronavirus.

Il-President ħabbar dan fuq il-paġna tiegħu fuq Facebook.

Fl-okkażjoni tal-Għid il-Kbir, il-Kċina tal-President ħasbet ukoll biex jintbagħat ħelu marbut mal-Għid lill-impjegati li jaħdmu l-Isptar Mater Dei.

Il-President George Vella u s-Sinjura Vella rringrazzjaw lill-ħaddiema tal-Palazz tal-President għall-impenn li qed juru f’din l-inizjattiva.

Intant, il-President Vella x-xahar li għadda ddeċieda li hu wkoll jagħti l-kontribut personali billi offra l-paga ta’ dak ix-xahar biex tintuża mill-Gvern fejn meħtieġ f’dawn iċ-ċirkostanzi uniċi li qed jiffaċċja l-pajjiż. Fl-istess ħin, l-Uffiċċju tal-President ifakkar li baqgħet għaddejja l-għajnuna soċjali li dejjem offriet il-Malta Community Chest Fund Foundation lil dawk li jħossu li għandhom bżonn din l-għajnuna u li jkunu jikkwalifikaw għaliha.

Barra minn hekk, il-billboards li s-soltu kienu jintużaw għal skopijiet tal-Malta Community Chest Fund Foundation tpoġġew għad-dispożizzjoni tad-Dipartiment tas-Saħħa biex jintużaw għall-messaġġi informattivi b’rabta mal-Covid-19.