Il-Kċina Franġiskana se tibda topera minn din il-ħarifa

Ritratt: MECP

Ix-xogħol fuq il-proġett tal-Kċina Franġiskana kważi lest.  Dan il-proġett, immexxi mill-Ordni tal-Franġiskani f’Malta jinkludi l-bini ta’ kċina u kamra li sservi għall-preparazzjoni tal-ikel, sala ewlenija li se tkun qiegħdha toffri spazju biex dawk fil-bżonn jieklu fiha, kamra fejn dawk bla dar ikunu jistgħu jaħslu u jnixxfu l-ħwejjeġ u uffiċċju żgħir għall-amministrazzjoni.

Għall-bidu li dan il-proġett ikun qed jopera, din il-kċina Franġiskana se topera għal tlett ijiem fil-ġimgħa, iżda tkun qed iżżid l-operat tagħha għal ħamest ijiem fil-ġimgħa fil-ġejjieni qarib. Din il-kċina se tibda topera minn din il-ħarifa u se tilqa’ lil dawk in-nies li m’għandhomx il-mezzi biex jieklu.  Se tkun qed isservi wkoll biex filwaqt li jissoċjalizzaw, in-nies li jkunu qegħdin jużaw is-servizz tal-kċina, jissaħħu fil-kunfidenza biex ikunu jistgħu jerġgħu ikunu parteċipi fis-soċjetà.

Id-Development Planning Fund beda fis-sena 2017 u tul dawn l-aħħar sentejn offra €17.5 miljun f’investiment lejn proġetti f’diversi komunitajiet madwar il-Gżejjer Maltin.  Il-fond jippromwovi proġetti ambjentali u soċjali li jibbenefikaw minnhom il-komunitajiet residenzjali ta’ pajjiżna. €303,000  minn dan il-fond marru għall-Kċina Franġiskana.