Il-kċina f’San Vinċenz se titwaqqa’ u tinbena mill-ġdid

F’konferenza tal-aħbarijiet fir-Residenza San Vinċenz de Paul, is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana ħabbret li l-Gvern ser ikun qiegħed jagħlaq il-kċina f’din ir-residenza u jibni waħda ġdida wara li din il-kċina ġiet iċċertifikata li għanda livell taħt l-istandard meħtieġ.
Dr Justyne Caruana sostniet li l-kċina kienet waħda mill-aktar problema inkwetanti, peress li ma toffrix livelli tajbin ta’ saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema
Tenniet tgħid li l-Gvern wiret problemi li ilhom jakkumulaw diversi snin. Skont ir-rapporti ħareġ biċ-ċar li kien hemm ħtieġa ta’ xogħol ta’ rinovazzjoni totali tal-faċilitajiet tal-kċina. Ir-Rapport tad-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali saħansitra jgħid li din il-kċina hija ta’ Grad F u li hemm 61.30% risk factor.
Is-Segretarju Parlamentari kompliet tgħid li fid-dawl ta’ dan ir-rapport, ġiet meħuda id-deċiżjoni li tingħalaq il-kċina eżistenti u tinbena kċina kompletament ġdida.