“Il-każini tal-banda m’għandhomx ikunu ’l fuq mil-liġi” – Cacopardo

Iċ-Ċerpersin tal-Alternattiva Demokratika, Carmel Cacopardo, sostna li l-każini tal-banda m’għandhomx ikunu ’l fuq mil-liġi.
Dan qalu waqt li kien qed jikkummenta dwar emendi għall-Kodiċi Ċivili ppubblikati nhar il-Ġimgħa.
Fi stqarrija tal-Alternattiva Demokratika, intqal kif fil-gazzetta tal-Gvern ġie ppubblikat abbozz ta’ liġi li f’parti minnu jitkellem dwar il-każini tal-banda u l-kuntratti tal-kera tagħhom.
Dan sar wara li x-xahar li għadda l-Qorti tal-Appell qatgħet kawża kontra l-każin tal-banda De Paule ta’ Raħal Ġdid, punt meta l-Gvern kien wiegħed li se jħares lejn kif jista’ jemenda l-liġi biex iżid il-protezzjoni lill-każini tal-banda.
Cacopardo qal li l-Qorti kienet iddeċidiet li l-Każin tal-Banda kien għamel alterazzjonijiet bla awtorizzazzjoni fil-binja tal-każin “u għaldaqstant ma jipprovdix il-kuntratt tal-kirja ordnat, li l-każin jingħata lura lis-sidien”.
Sostna li bl-emendi proposti se jkun possibli li din ma ssirx hekk kif jipproponu li l-kirja tista’ tibqa’ fis-seħħ jekk il-kera tiżdied b’għaxar darbiet, kif ukoll li tingħata garanzija li l-binja tkun tista’ tiġi restawrata għall-istat oriġinali qabel ma saru l-alterazzjonijiet mhux awtorizzati fil-binja.
Filwaqt li rrikonoxxa li l-emendi huma motivati mill-ħsieb li tingħata difiża lill-funzjoni soċjali tal-każini tal-banda fil-komunità, insista li hemm problema kbira, dik li “l-Gvern qed jagħti l-messaġġ li hemm min hu ’l fuq mil-liġi.
Sostna li dan il-każ huwa simili għal dak ta’ ftit ġimgħat ilu, meta l-Gvern biddel il-liġi li tirregola d-distanzi li jridu jinżammu mill-kmamar tan-nar, li sostna ħalliet lill-bdiewa u l-komunità rurali taż-Żebbiegħ minn taħt.
Cacopardo rrimarka li r-rispett lejn is-salta tad-dritt, tfisser ukoll li jkun hemm rispett lejn is-sentenzi tal-Qrati, u li l-Gvern ma jagħtix messaġġ li f’ċerti ċirkustanzi ma jkun hemm l-ebda diffikultà li xi ħadd jitqiegħed ’il fuq mil-liġi.