Il-każijiet tal-coronavirus madwar id-dinja jaqbżu l-11-il miljun

FILE PHOTO: A man reacts as a medical worker takes a mouth sample for coronavirus during a community testing, as authorities race to contain the spread of coronavirus disease (COVID-19) in Abuja, Nigeria April 15, 2020. REUTERS/Afolabi Sotunde/File Photo

Read in English.

L-għadd ta’ każijiet ta’ coronavirus madwar id-dinja qabeż il-11-il miljun ilbieraħ.

Dan skont iċ-ċifri li qed idomm il-ġurnal internazzjonali Reuters.

L-għadd ta’ każijiet hu aktar mid-doppju ta’ kemm toqtol nies l-influwenza kull sena, skont l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO).

Bosta pajjiżi, anke dawk li ntlaqtu ħażin minn din il-pandemija, qegħdin itaffu l-miżuri restrittivi li ħadu, ewlenija fosthom il-lockdown, li permezz tagħha, għadd ta’ pajjiżi għalqu l-ajruporti u n-negozji kollha u n-nies kellhom jibqgħu d-dar u jevitaw il-kuntatt ma’ xulxin.

F’xi pajjiżi, il-każijiet qegħdin jerġgħu jiżdiedu, u l-miżuri li kienu ttaffew qegħdin jerġgħu jidħlu fis-seħħ. Esperti qegħdin jgħidu li dan jaf jiġri f’aktar pajjiżi fis-sena 2021, sakemm jinstab vaċċin.

Fl-Istati Uniti kien hemm aktar minn 55,400 każ ġdid tal-Covid-19 nhar il-Ħamis, rekord globali f’ġurnata waħda. Dan wassal biex diversi gvernaturi Amerikani waqqfu l-pjanijiet li kellhom biex jerġgħu jibdew jiftħu n-negozji.

Kważi kwart tal-imwiet madwar id-dinja seħħew fl-Istati Uniti. Fl-Amerka Latina hemm 23% tal-każijiet madwar id-dinja, bil-Brażil b’1.5 miljun każ. L-Indja saret l-epiċentru l-ġdid tal-Ażja, issa li għandha 625,000 każ.