Il-każijiet tal-coronavirus jiżdiedu f’pajjiżi kbar – WHO

REUTERS/Amanda Perobelli

Read in English.

L-għadd tal-każijiet globali tan-novel coronavirus issa qabeż id-disa’ miljuni nhar it-Tnejn, hekk kif il-Brażil u l-Indja qed jiffaċċjaw żieda qawwija fl-infezzjonijiet, filwaqt li pajjiżi oħra li ntlaqtu ħażin mill-virus, fosthom l-Istati Uniti u ċ-Ċina rrappurtaw tifqigħat ġodda, skont rapport ta’ Reuters.

L-ewwel każ kien irrappurtat fiċ-Ċina kmieni f’Jannar li għadda, u l-virus dam sa nofs ix-xahar ta’ Mejju biex jilħaq lil 4.5 miljun persuna. Madankollu, dan l-ammont irdoppja għal disa’ miljuni fl-aħħar ħames ġimgħat, skont dan ir-rapport. 

L-Istati Uniti tinsab fl-ewwel post bl-ogħla numru ta’ infezzjonijiet, b’madwar 2.2 miljun każ jew 25% tal-każijiet kollha rrappurtati. 

L-għadd globali juri li l-marda qed tinfirex bl-aktar rata mgħaġġla fl-Amerika Latina, fejn issa jinsabu 23% tal-każijiet kollha.

L-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa (WHO) nhar it-Tnejn qalet li l-każijiet tal-coronavirus qed jiżdiedu f’diversi pajjiżi ewlenin fl-istess ħin, “b’żidiet inkwetanti” fl-Amerika Latina, l-aktar fil-Brażil.

Globalment ġew irreġistrati aktar minn 183,000 każ ġdid ta’ coronavirus nhar il-Ħadd, l-akbar għadd f’jum wieħed minn meta l-imxija bdiet f’Diċembru li għadda, qal il-kap tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa Tedros Adhanom Ghebreyesus.

“Huwa żgur li n-numri qed jikbru minħabba l-fatt li l-epidemija qed tiżviluppa f’għadd ta’ pajjiżi b’popolazzjoni kbira, fl-istess ħin u madwar id-dinja,” qal matul konferenza online Mike Ryan, l-espert ewlieni dwar l-emerġenzi tad-WHO.

“Parti minn din iż-żieda tista’ tkun attribwita għal żieda fl-ittestjar … U ċerti pajjiżi bħall-Indja qed jagħmlu aktar testijiet. Imma ma nemmnux li dan huwa r-riżultat ta’ żieda fl-ittestjar.”

L-għadd tal-każijiet globali qabeż id-9 miljuni nhar it-Tnejn, bl-Istati Uniti, iċ-Ċina u pajjiżi oħra li ġew milquta ħażin jirrapportaw ukoll tifqigħat ġodda, skont rapport ta’ Reuters.

Ryan qal li kien hemm żieda qawwija fil-każijiet fiċ-Ċilì, l-Arġentina, il-Kolombja, il-Panama, il-Bolivia u l-Gwatemala, kif ukoll fil-Brażil, pajjiż li qabeż il-marka ta’ miljun każ – it-tieni wara l-Istati Uniti – u li rrapporta rekord ta’ 54,000 każ fl-24 siegħa preċedenti.

Huwa qal li parti mir-raġuni għal din iż-żieda fil-Brażil tista’ tkun minħabba bidliet fis-sistema ta’ rrappurtar, imma żied jgħid li “r-rata tal-ittestjar għadha baxxa meta mqabbla mal-popolazzjoni, u r-rata ta’ każijiet pożittivi għadha għolja globalment. Minn din il-perspettiva, aħna naħsbu li din it-tendenza ma tirriflettix ammont ta’ ttestjar eżawrijenti, imma probabbilment hija stima tassew baxxa tal-għadd attwali ta’ każijiet.”

1,000 mewta kuljum

L-akbar pajjiż fl-Amerika Latina spiss irreġistra aktar minn 1,000 mewta kuljum matul dan l-aħħar xahar.

Il-President Jair Bolsonaro, kultant imsejjaħ “Tropical Trump”, ġie kkritikat diversi drabi għal mod li bih aġixxa matul il-kriżi. Il-pajjiż m’għandux ministru għas-saħħa permanenti, wara li rriżenjaw tnejn minn April li għadda, wara nuqqas ta’ qbil mal-president.

Bolsonaro irrifjuta li jimplimenta miżuri ta’ distanza soċjali, u sejjaħ din il-prattika miżura li toħnoq l-impjiegi li hija wisq aktar perikoluża mill-virus innifsu. Huwa appoġġja żewġ mediċini kontra l-malarja – chloroquine u hydroxychloroquine – u ppromovihom bħala rimedji minkejja nuqqas ta’ evidenza li dawn huma effettivi.

Ryan qal li jħoss li hemm “għadd ta’ indikaturi” dwar każijiet f’numru ta’ stati fl-Amerika.

“M’inix 100% ċert dwar il-profil tal-età, imma rajt rapporti li juru li din qed tinfirex fost iż-żgħażagħ. Dan jista’ jkun riflessjoni tal-fatt li persuni aktar ‘għar fl-età huma aktar mobbli, u li dawn qed joħorġu aktar u qed jieħdu vantaġġ mit-tnaqqis fir-restrizzjonijiet fuq il-moviment…Dak li hu ċar hu li ż-żieda mhux spjegata biss mill-fatt li hemm żieda fl-ittestjar.”

Il-WHO qalet ukoll li tinsab imħassba dwar il-Ġermanja, fejn ir-rata ta’ riproduzzjoni tal-virus laħqet 2.88 nhar il-Ħadd, rata ħafna ogħla mil-livell massimu ta’ trasmissjoni waħda għal kull persuna meħtieġ biex tiġi kkontrollata l-marda fuq perjodu ta’ żmien itwal. 

Tedros qal li nuqqas ta’ tmexxija u unità globali fil-ġlieda kontra l-virus kienet theddida akbar minn dik tat-tifqigħa fiha nnifisha, u li l-politiċizzazzjoni tas-sitwazzjoni kienet qed tħalli effetti agħar mill-pandemija innifisha. 

Il-WHO ġiet ikkritikata minn xi Stati Membri, speċjalment l-Istati Uniti, li qalet li l-organizzazzjoni kienet dgħajfa wisq, li damet biex ħadet azzjoni u li kienet wisq “iffukata fuq iċ-Ċina” meta faqqgħet il-marda.