Il-każijiet tal-coronavirus fil-Ġermanja jkomplu jiżdiedu

REUTERS/Andreas Gebert

Read in English.

Il-każijiet tal-coronavirus fil-Ġermanja komplew jiżdiedu b’rata kemxejn allarmanti wara li l-pajjiż beda jillaxka l-miżuri meħudin fil-ġimgħat preċedenti.

Ilbieraħ żdiedu 793 każ, biex it-total issa huwa ta’ 162,496 persuna infettata. Ġew irrappurtati wkoll 74 persuna li mietu bil-coronavirus ilbieraħ, u b’hekk issa b’kollox mietu 6,649 persuna fil-Ġermanja.

Franza lbieraħ irrappurtat iżjed imwiet mill-Ġermanja peress li 166 persuna tilfu ħajjithom bil-coronavirus. B’kollox mietu 24,760 persuna. Sadattant, l-għadd ta’ persuni infettati u dawk li qegħdin jiksbu kura l-isptar minħabba l-virus kompla jonqos.

Hemm 25,827 persuna li jinsabu l-isptar għat-trattament tal-coronavirus fi Franza, u dawk li qegħdin f’sala tal-kura intensiva huma 3,878 persuna.

Fil-Lvant ta’ Franza, fir-Russja, kien hemm żieda ta’ 9,623 każ ilbieraħ, l-ogħla ammont ta’ każijiet minn mindu bdiet il-pandemija. B’hekk it-total fil-pajjiż huwa ta’ 124,054 każ, li l-maġġoranza tagħhom jinsabu f’Moska, fejn is-Sindku wissa li se jwaqqaf l-ivvjaġġar.

Is-Sibt mietu 57 persuna fir-Russja, biex b’hekk it-total huwa ta’ 1,222 persuna.

Ir-Russja għandha lockdown parzjali, li ilha għaddejja bih minn tmiem Marzu. F’Moska, nies li ma kisbux permess speċjali biex jivvjaġġaw, jistgħu joħorġu minn djarhom biss biex imorru jixtru, biex imorru mixja bil-klieb, u biex jarmu l-iskart.

Il-President Vladimir Putin sejjaħ għal miżuri restrittivi u biex in-nies jibqgħu ma jmorrux ix-xogħol sal-11 ta’ Mejju, meta l-pajjiż itemm iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum il-Ħaddiem u Jum il-Vitorja.

Minkejja li kkumparata mal-każijiet u l-imwiet fl-Istati Uniti, fl-Italja u fi Spanja, ir-Russja ma kellhiex ħafna, il-pajjiż għadu ma laħaqx l-għoli mistenni, biex imbagħad il-każijiet jibdew jonqsu.

Is-Sindku ta’ Moska Sergei Sobyanin appella lin-nies tal-belt biex jibqgħu jiżolaw ruħhom.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn