Il-każijiet ta’ COVID-19 fl-Ewropa jirduppjaw f’5 ġimgħat

B’Kollox, ‘il fuq minn 10 Miljun Infezzjoni

F’ħames ġimgħat irduppjaw il-każijiet ta’ COVID-19 fl-Ewropa, fejn il-Ħadd, it-total ta’ infezzjonijiet qabeż l-10 miljuni.

Ix-xahar li għadda, kemm l-Amrika Latina kif ukoll l-Asja rrappurtaw total ta’ ‘l fuq minn 10 miljun każ fir-reġjuni tagħhom. Fl-Istati Uniti biss, hemm ‘il fuq minn 9 miljun każ.

Filwaqt li l-Ewropa damet disa’ xhur biex irrekordjat l-ewwel 5 miljun każ ta’ COVID-19, il-ħames miljun każ ieħor telgħu fi ftit iżjed minn xahar, skond l-analiżi li wettqet Reuters.

B’10% tal-popolazzjoni dinjija, , l-Ewropa għandha 22% tas-46.3 miljun każ ta’ infezzjoni u b’iżjed minn 269,000 mewta, ir-reġjun kellu 23% ta’ l-imwiet COVID-19 reġistrati mad-dinja kollha li b’kollox huma 1.2 miljun.

Hekk kif il-każijiet qed jerġgħu jiżdiedu, Franza, il-Ġermanja u r-Renju Unit reġgħu ħabbru lockdowns nazzjonali ta’ għallinqas xahar li huma stretti kważi daqs kemm kienu f’Marzu u April. Il-Portugall impona lockdown parzjali filwaqt li Spanja u l-Italja qed ikomplu jdaħħlu iżjed restrizzjonijiet. 

Skond l-analiżi ta’ Reuters, l-Ewropa rrappurtat iżjed minn 1.6 miljun każġdid matul dawn l-aħħar sebat ijiem, kważi nofs it-3.3 miljun ta’ każijiet rappurtati mad-dinja kollha, b’il fuq minn 16,100 mewta, żieda ta’ 44% fuq il-ġimgħa ta’ qabel.

Għal kull 10,000 persuna fl-Ewropa, kienu rappurtati 127 każ ta’ coronavirus filwaqt li mietu erba’ skond l-istess analiżi ta’ Reuters. Fl-Istati Uniti, kien hemm 278 każ u sebat imwiet għal kull 10,000 resident.

Fil-lvant ta’ l-Ewropa hemm terz tal-każijiet kollha ta’ COVID-19, l-ogħla għadd ta’ każijiet, filwaqt li fin-nofsinhar ta’ l-Ewropa mietu l-iżjed nies, li jfisser 32% ta’ l-imwiet kollha fl-Ewropa.

Ir-Russja hija l-iżjed pajjiż milqut ħażin fl-Ewropa tal-Lvant b’iżjed minn 1.6 miljun infezzjoni COVID. Id-deputat Prim Ministru tal-pajjiż Tatiana Golikova nhar l-Erbgħa qalet li f’sittax-il reġjun tal-pajjiż, 90% tas- is-sodod fl-isptarijiet kienu diġa meħuda.

Gvernijiet madwar l-Ewropa ilhoma ikunu kritikati minħabba n-nuqqas ta’ koordinament bejniethom u talli ma ħadux vantaġġ mit-tnaqqis tal-virus matul is-sajf biex isaħħu s-sistemi tal-kura, biex b’hekk ħafna sptarijiet ma kienux lesti għal din is-sitwazzjoni.