Il-każijiet ta’ coronavirus madwar id-dinja jaqbżu l-10 miljuni

REUTERS/Adnan Abidi

Read in English.

Il-każijiet ta’ coronavirus madwar id-dinja qabżu l-10 miljun każ nhar il-Ħadd, skont rapport ta’ Reuters, fattur importanti fil-firxa ta’ din il-marda respiratorja li s’issa qatlet madwar nofs miljun persuna f’seba’ xhur. 

Din iċ-ċifra hija madwar id-doppju tal-ammont ta’ każijiet gravi rreġistrati kull sena għall-marda tal-influwenza, skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

Dan l-istadju wasal f’punt meta bosta mill-pajjiżi li ntlaqtu l-agħar minn dan il-virus qed jirrilassaw il-miżuri ta’ lockdown waqt li qed jimplimentaw bidliet kbar fuq il-post tax-xogħol u fil-ħajja soċjali li jistgħu jibqgħu fis-seħħ għal sena jew aktar sakemm ikun disponibbli vaċċin kontra din il-marda. 

Ċerti pajjiżi qed jiffaċċjaw żieda mill-ġdid fin-numru ta’ infezzjonijiet, u dan qed iwassal biex l-awtoritajiet jerġgħu jimplimentaw lockdowns parzjali, fatt li l-esperti jgħidu jista’ jkun rikorrenti għax-xhur li ġejjin u jkompli fl-2021. 

L-Amerika ta’ Fuq, l-Amerika Latina u l-Ewropa irreġistraw madwar 25% tal-każijiet kull wieħed, filwaqt li l-Asja u l-Lvant Nofsani għandhom madwar 11% u 9% rispettivament, skont l-għadd ta’ Reuters li huwa bbażat fuq ir-rapporti tal-gvernijiet. 

S’issa kien hemm aktar minn 497,000 mewta marbuta mal-marda, bejn wieħed u ieħor l-istess ammont ta’ mwiet ikkawżati mill-influwenza rrappurtati kull sena.

L-ewwel każijiet tan-novel coronavirus kienu kkonfermati fl-10 ta’ Jannar f’Wuhan fiċ-Ċina, iżda l-infezzjonijiet u l-każijiet fatali malajr żdiedu fl-Ewropa, u wara fl-Istati Uniti u fir-Russja. 

Il-pandemija issa daħlet f’fażi ġdida, fejn l-Indja u l-Brażil qed jiġġieldu tifqigħat ta’ aktar minn 10,000 każ kuljum, fatt li qed jikkawża pressjoni kbira fuq ir-riżorsi tal-pajjiż. 

Dawn iż-żewġ pajjiżi rrappurtaw aktar minn terz tal-każijiet ġodda globali matul din l-aħħar ġimgħa. Il-Brażil irrapporta ammont rekord ta’ 54,700 fid-19 ta’ Ġunju. Uħud mir-riċerkaturi qalu li r-rata tal-imwiet fl-Amerika Latina setgħet titla’ għal aktar minn 380,000 sa Ottubru, minn madwar 100,000 din il-ġimgħa.

In-numru totali ta’ każijiet kompla jiżdied b’rata ta’ bejn 1-2% kuljum f’din l-aħħar ġimgħa, tnaqqis minn rati li kienu jaqbżu l-10% f’Marzu li għadda. 

Pajjiżi inkluż iċ-Ċina, New Zealand u l-Awstralja reġgħu raw tifqigħat ġodda ta’ każijiet matul dan l-aħħar xahar, minkejja li kien irnexxielhom jikkontrollaw u jwaqqfu t-trażmissjoni lokali.

F’Beijing, fejn mijiet ta’ każijiet ġodda kienu marbuta ma’ suq tal-agrikultura, il-kapaċità tal-ittestjar ġiet miżjuda għal 300,000 test kuljum. 

L-Istati Uniti, li rrappurtat 2.5 miljun każ, l-ogħla għadd minn kwalunkwe pajjiż, irnexxielha tnaqqas ir-rata tal-firxa tal-virus f’Mejju, imma dan reġa’ żdied f’dawn l-aħħar ġimgħat minħabba li nfirex f’żoni rurali u postijiet oħra fejn qabel ma kienx hemm każijiet tal-virus.

F’ċerti pajjiżi b’kapaċitajiet limitati ta’ ttestjar, in-numru tal-każijiet jirrifletti proporzjon żgħir tal-infezzjonijiet totali. Bejn wieħed u ieħor hu magħruf li s’issa rkupraw nofs l-infezzjonijiet irrappurtati.