Il-każijiet ta’ coronavirus madwar id-dinja dalwaqt jilħqu t-30 miljun

REUTERS/Flavio Lo Scalzo

L-għadd ta’ każijiet globali ta’ coronavirus mistenni li jaqbeż it-30 miljun nhar il-Ħamis, skont l-għadd ta’ Reuters, u m’hemm l-ebda sinjal li l-pandemija qed tnaqqas ir-rata ta’ infezzjoni.

Bħalissa l-attenzjoni tinsab fuq l-Indja bħala l-aħħar epiċentru tal-pandemija, għalkemm l-għadd globali tal-Amerika ta’ Fuq u t’Isfel jammonta għal nofs l-għadd tal-każijiet globali.

Iċ-ċifri ta’ każijiet ġodda globali laħqu livelli rekord f’dawn l-aħħar ġranet, u l-imwiet telgħu għal kważi miljun, waqt li tkompli t-tiġrija internazzjonali biex jiġi żviluppat u jibda jinbiegħ vaċċin kontra l-virus.

L-għadd uffiċjali ta’ każijiet ta’ coronavirus internazzjonali issa tela’ għal ħames darbiet l-għadd ta’ infezzjonijiet gravi ta’ influwenza rreġistrati kull sena, skont data tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa.

Madwar id-dinja, kien hemm madwar miljun mewta, iżda dan mhux indikattiv tal-għadd reali minħabba l-perjodu ta’ inkubazzjoni ta’ ġimgħatejn tal-virus. Dan qabeż sew l-għadd ta’ bejn 290,000 u 650,000 mewta annwali attribwiti għall-influwenza.

Nhar l-Erbgħa l-Indja saret it-tieni pajjiż fid-dinja wara l-Istati Uniti, li rreġistra aktar minn 5 miljun każ.

Il-pajjiż li jinsab fin-nofsinhar tal-Asja u li għandu t-tieni l-ogħla popolazzjoni fid-dinja, ilu sa min-nofs Awwissu jirrapporta aktar każijiet ġodda kuljum mill-Istati Uniti, u jammonta għal ftit aktar minn 16% tal-każijiet globali magħrufa.

L-Istati Uniti għandha madwar 20% tal-każijiet globali, għalkemm il-popolazzjoni tagħha hija biss 4% tal-popolazzjoni dinjija. Il-Brażil, il-pajjiż li jinsab fit-tielet post minħabba l-għadd ta’ infezzjonijiet, jammonta għal madwar 15% tal-każijiet globali.

Fi 18-il ġurnata, il-każijiet globali telgħu minn 25 miljun għal aktar minn 30 miljun. L-ammont ta’ infezzjonijiet madwar id-dinja tela’ minn 20 miljun għal 25 miljun f’20 ġurnata, u minn 15-il miljun għal 20 miljun fi 19-il ġurnata.

Ir-rata globali ta’ każijiet ġodda qed tonqos, u dan jirrifletti progress li qed isir biex jiġi kkontrollat il-virus f’diversi pajjiżi, minkejja xi żidiet inkwetanti.

Esperti tas-saħħa jinsistu li d-data uffiċjali kważi ċertament tagħti rapporti aktar baxxi tar-rata tal-infezzjonijiet u l-għadd ta’ mwiet, speċjalment f’pajjiżi li għandhom kapaċitajiet limitati ta’ ttestjar.

It-tiġrija biex jiġi żviluppat u jibda jinbiegħ vaċċin kontra n-novel coronavirus saret aktar akkanita f’dawn l-aħħar ġimgħat, b’madwar 200 verżjoni li qed jiġu żviluppati bħalissa.

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump qal li pajjiżu jista’ jkollu l-vaċċin lest għad-distribuzzjoni qabel l-elezzjoni tal-Istati Uniti li se ssir fit-3 ta’ Novembru, filwaqt li uffiċjal għas-saħħa Ċiniż din il-ġimgħa qal li ċ-Ċina jista’ jkollha l-vaċċin lest għall-użu tal-pubbliku fil-bidu ta’ Novembru.

Waqt li l-iżvilupp tal-coronavirus għadu ħafna anqas minn dak tal-Influwenza Spanjola tal-1918, li infettat madwar 500 miljun persuna u fejn mietu madwar 10% minnhom, l-esperti jinsabu mħassba li d-data disponibbli qed tagħti ċifri li mhumiex rappreżentattivi tal-impatt reali tal-pandemija.