Il-każijiet ta’ coronavirus jiżdiedu b’miljun każ ġdid fi żmien ħamest ijiem

REUTERS/Adnan Abidi

Read in English.

L-għadd ta’ infezzjonijiet ta’ coronavirus madwar id-dinja laqat it-13-il miljun nhar it-Tnejn, skont rapport ta’ Reuters, biex b’hekk żdied b’miljun każ fi żmien ħamest ijiem.

Il-pandemija issa qatlet lil aktar minn nofs miljun persuna f’sitt xhur u nofs, u l-kap tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) Tedros Adhanom Ghebreyesus qal li mhux se nirritornaw “lura għan-normal” fil-futur viċin, speċjalment jekk jibqgħu jiġu injorati l-miżuri ta’ prevenzjoni.

“Se nkun skjett ħafna, bosta pajjiżi qabdu d-direzzjoni l-ħażina, il-virus jibqa’ għadu pubbliku ewlieni,” qal meta tkellem matul laqgħa virtwali li ġiet organizzata mill-kwartieri ġenerali tad-WHO f’Ġinevra.

“Jekk ma nsegwux il-prinċipji bażiċi, l-uniku eżitu għal din il-pandemija huwa li se tibqa’ tmur għall-agħar, sakemm jintlaħaq punt kritiku. Iżda dan jista’ jiġi evitat.”

L-għadd globali ta’ Reuters, li huwa bbażat fuq rapporti tal-gvernijiet, juri li l-marda qed tiżdied b’rata mgħaġġla fl-Amerika Latina. 

L-Amerika ta’ Fuq u dik t’Isfel jgħoddu għal aktar minn nofs l-infezzjonijiet fid-dinja, u għal nofs l-ammont ta’ mwiet.

Partijiet mid-dinja, l-aktar fl-Istati Uniti b’aktar minn 3.3 miljun każ ikkonfermat, għadhom qed jesperjenzaw żidiet kbar fl-ewwel mewġa ta’ infezzjonijiet tal-COVID-19, filwaqt li oħrajn qed jaħdmu biex “inaqqsu l-kurva” u jibdew jerħu l-lockdowns.

Ċerti bliet, bħall-belt Awstraljana ta’ Melbourne u l-belt ta’ Leicester fl-Ingilterra, qed jimplimentaw it-tieni grupp ta’ miżuri restrittivi. F’Hong Kong, għalkemm hemm biss 1,522 każ, se jibdew jiġu implimentati miżuri aktar stretti ta’ distanza soċjali għal darb’oħra fost tħassib tat-tielet mewġa.

L-Istati Uniti rrappurtaw rekord globali ta’ 69,070 infezzjoni ġdida f’jum wieħed fl-10 ta’ Lulju. Fil-Brażil, 1.86 miljun persuna rriżultaw pożittivi, inkluż il-President Jair Bolsonaro, u tilfu ħajjithom aktar minn 72,000 persuna.

L-Istat Amerikan ta’ Florida rrapporta żieda rekord ta’ aktar minn 15,000 każ ġdid f’24 siegħa nhar il-Ħadd, aktar mit-total tal-Korea t’Isfel minn meta ġiet identifikata l-marda fi tmiem is-sena li għaddiet. Nhar it-Tnejn żdiedu 12,624 każ ġdid.

L-infezzjonijiet tal-coronavirus qed jiżdiedu f’madwar 40 stat Amerikan, skont rapport ta’ Reuters li jqabbel l-aħħar ġimgħatejn mal-ġimgħatejn preċedenti.

Madankollu, il-President Amerikan Donald Trump u uffiċjali tal-White House jibqgħu jsostnu li l-marda qed tiġi kkontrollata sew u li l-iskejjel se jerġgħu jiftħu fil-ħarifa. 

“Il-president u l-amministrazzjoni tiegħu qed jirriskjaw is-saħħa ta’ uliedna,” qalet l-Ispeaker tal-Kamra Nancy Pelosi f’intervent matul il-programm tas-CNN, “State of the Union”.

“Kulħadd jixtieq li t-tfal jirritornaw lura lejn l-iskola, kemm il-ġenituri u anke t-tfal. Imma dan għandu jseħħ meta s-sitwazzjoni tkun waħda sikura.”

Il-kap tal-emerġenzi tad-WHO Mike Ryan ħeġġeġ lill-pajjiżi kollha biex ma jużaw l-iskejjel bħala “logħba oħra ta’ futbol politiku”, u żied jgħid li l-iskejjel setgħu jinfetħu b’mod sikur ladarba l-virus ikun ġie kkontrollat.

Il-kap tar-reġjun Spanjol tal-Katalonja ħeġġeġ lir-residenti biex jibqgħu fi djarhom f’żona ta’ madwar 160,000 persuna fejn il-każijiet żdiedu b’rata allarmanti, minkejja deċiżjoni ta’ mħallef li ħassret lockdown obbligatorju.

Spanja, li kienet wieħed mill-pajjiżi Ewropej li ntlaqtu l-agħar mill-pandemija, ħassret ir-restrizzjonijiet li kienu japplikaw madwar il-pajjiż kollu x-xahar li għadda, meta kien jidher li l-pandemija qed tiġi kkontrollata.

Wara li ġew irrappurtati l-ewwel każijiet fiċ-Ċina fil-bidu tas-sena, il-pandemija damet xahar biex laħqet l-ewwel miljun każ. Madankollu, fi żmien ħamest ijiem il-każijiet żdiedu b’miljun infezzjoni ġdida, billi telgħu għal-13-il miljun każ minn 12-il miljun.

L-Indja, il-pajjiż li għandu t-tielet l-ogħla rata ta’ infezzjonijiet, qed jaffaċċja medja ta’ 23,000 infezzjoni ġdida kull jum mill-bidu ta’ Lulju.

F’pajjiżi fejn hemm kapaċità limitata ta’ ttestjar, in-numru ta’ każijiet jirriflettu proporzjon żgħir tal-infezzjonijiet totali. L-esperti jgħidu li data uffiċjali probabbilment turi numri aktar baxxi ta’ infezzjonijiet u mwiet mill-għadd totali.