Il-każi tal-ħosba madwar id-dinja jitriplaw fl-2019 – WHO

REUTERS/Carlo Allegri

Read in English.

Kull reġjun tad-dinja qed jesperjenza żieda fin-numru ta’ każi ta’ ħosba skont l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO). Din il-marda tista’ tinqered permezz ta’ vaċċina u li jekk wieħed ma joħodhiex jista’ jmut jew jispiċċa b’xi diżabilità.

Kelliema għall-WHO qalet li dan huwa tort ta’ sistemi tas-saħħa dgħajfa u l-informazzjoni qarrieqa dwar il-vaċċini. Talbet li dawk kollha li għandhom aċċess għall-media soċjali u l-komunitajiet għandhom jassiguraw li titqajjem kuxjenza dwar din il-marda li tista’ tiġi evitata.

Il-WHO qalet li bejn Jannar u Lulju ta’ din is-sena ġew irrappurtati mat-tliet darbiet aktar każi meta kkumparat mal-perjodu tal-2018. Sa issa 365,000 każi ġew irrappurtati bl-akbar figura mill-2006. Intant fl-2017, il-ħosba kkawżat 109,000 mewt.

L-akbar epidemiji ħarġu fil-Kongo, b’total ta’ 155,460 każ, fil-Madagascar b’total ta’ 127,454 każ, u fl-Ukraina b’total ta’ 54,246 każ.

Skont il-WHO, l-Ewropa wkoll qed tiġi affettwata, tant li erba’ pajjiżi li s-sena li għaddiet ma kellhomx każi ta’ ħosba, din is-sena ġew affettwati. Dawn jinkludu l-Albanija, ir-Repubblika Ċeka, il-Greċja u l-Ingilterra. Fost it-53 pajjiż fl-Ewropa, kien hemm 90,000 każ ta’ ħosba rrappurtati fl-ewwel nofs ta’ din is-sena.

Fl-Istati Uniti kien hemm numru rekord ta’ 1,215-il każ ta’ ħosba mifruxin mat-30 stat. Skont esperti tas-saħħa jidher l-virus inxtered qalb it-tfal tal-iskola li l-ġenituri tagħhom irrifjutaw li jagħtuhom il-vaċċina.