Il-każi tal-coronavirus fl-Indja jaqbżu l-500,000

A woman reacts as a medical worker takes a swab from her to test for the coronavirus disease (COVID-19) in Ahmedabad, India, June 26, 2020. REUTERS/Amit Dave

L-Indja rrappurtat aktar minn 17,000 każ ġdid tal-coronavirus fuq perjodu ta’ 24 siegħa. Dan wassal biex il-pajjiż issa jaqbeż is-sejba ta’ 500,000 każ pożittiv minn meta feġġ il-virus. Il-Ministeru għas-Saħħa federali qal dan filwaqt li spjega li l-każijiet qed jisparaw fi bliet maġġuri bħal New Delhi.

L-Indja għandha r-raba l-akbar firxa tal-virus f’pajjiżi madwar id-dinja. Qabilha hemm l-Istati Uniti, il-Brażil u r-Russja.

L-infezzjonijiet huma mistennija jkomplu jiżdiedu b’mod konsistenti fl-Indja. L-esperti li jagħtu l-pariri lill-gvern federali qalu li l-awtoritajiet tal-pajjiż issa għandhom jipprijoritizzaw it-tnaqqis tar-rata tal-imwiet minflok jiffukaw li jnaqqsu l-firxa tal-virus. Huma qalu li n-numri se jkomplu jiżdiedu xorta waħda u b’hekk għandhom jiffukaw fuq li jsalvaw il-ħajjiet.

Skont studji li saru fl-università ta’ Michigan ħareġ li l-Indja għandha tistenna li tilħaq bejn 770,000 u 925,000 każ tal-coronavirus mill-15 ta’ Lulju.

Hekk kif l-infezzjonijiet komplew jitilgħu b’mod rapidu u l-isptarijiet qed jinħakmu minn xogħol kbir, uħud mill-ibliet bħal New Delhi qed jaħdmu biex jibnu faċilitajiet temporanji b’eluf ta’ sodod fejn jistgħu jżommu pazjenti tal-coronavirus fi kwarantina u biex dawn jirċievu t-trattament meħtieġ.