Il-każi ta’ frodi mressqa l-Qorti jonqsu sena wara sena

Il-każi ta’ frodi mressqa quddiem il-Qorti qed jonqsu sena wara sena. Dan ħareġ minn tabella li poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra fil-Parlament il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri.

Hu għamel dan bħala risposta għall-mistoqsija tal-Membru Parlamentari Nazzjonalista Jason Azzopardi. Azzopardi staqsa għal rendikont tal-każi mill-2014 sa din is-sena, maqsumin sena b’sena.

Il-Ministru Camilleri spjega li t-tabella li qed jippreżenta tagħti rendikont tal-każi ppreżentati sa’ April tal-2020.

L-għola numru ta’ każi mressqa l-Qorti fi żmien sena jmur lura għall-2014 fejn kien hemm total ta’ 97 każ ta’ frodi mressqa. In-numru ta’ każi kompla jonqos matul is-snin.

Fl-2015 u fl-2016 kien hemm total ta’ 75 każ kull sena. Fl-2017, kien hemm total ta’ 63 każ ta’ frodi. Fl-2018, kien hemm 54. Filwaqt li fl-2019 kien hemm 44. Intant, sa’ April ta’ din is-sena tressqu biss sitt każi ta’ frodi quddiem il-Qorti.

Il-kelma frodi xi tfisser?

Frodi hija meta persuna twettaq reat li bih b’xi mod jew ieħor tkun qed timmanipula lil xi ħadd jew lil xi ħaġa għal gwadann finanzjarju jew personali. Dan huwa tip ta’ aġir intenzjonat biss biex b’mod illegali wieħed jikseb xi tip ta’ vantaġġ jew dħul.