Il-każijiet ta’ coronavirus jitilgħu għal 400 fl-Italja

A woman wearing a face mask waits at a metro platform in Milan, Italy February 24, 2020. REUTERS/Flavio Lo Scalzo

Il-każijiet fl-Italja tal-coronavirus jaqbżu l-400 persuna, u tfaċċaw l-ewwel każijiet fir-Rumanija u d-Danimarka.

L-Italja kompliet tkun iċ-ċentru tal-attenzjoni fil-kriżi dinjija tal-coronavirus, wara ċ-Ċina, hekk kif issa l-każijiet ta’ nies infettati laħaq l-400 persuna bi 12-il persuna konfermati mejta.

Dan hekk kif żdiedu l-pajjiżi fejn kienu konfermati l-ewwel każijiet, f’ħafna minnhom minħabba nies ġejjin mill-Italja. Issa mal-lista ta’ pajjiżi fejn feġġew każijiet tal-coronavirus żdiedu anke r-Rumanija u d-Danimarka.

Fil-każ Rumen, persuna spiċċat infettata wara kuntatt ma’ persuni mill-Italja filwaqt li fil-każ Daniż din hi persuna li rritornat mill-Italja.

Fl-istess ħin, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qalet li għall-ewwel darba l-virus kien qed jinfirex b’rata aktar mgħaġġla barra miċ-Ċina, fejn feġġ il-virus.

S’issa madwar id-dinja hawn 80,000 każ f’aktar minn 40 pajjiż.