Il-każ tal-MV Salamis deskritt bħala simili għal dak tal-MV Pinar

Il-każ tat-tanker mil-Liberja, MV Salamis qed jitqabbel mal-każ tal-bastiment mit-Turkija, MV Pinar.

Il-każ seħħ fl-2009 meta l-Awtoritajiet Taljani u Maltin irrifjutaw li jaċċettaw il-grupp ta’ 154 immigrant irregolari li kien hemm abbord.

Dakinhar il-Kaptan tal-MV Pinar kien iddeċieda li jagħti l-għajnuna lill-immigranti bil-Forzi Armati ta’ Malta jsostnu li l-eqreb port kien f’Lampedusa.

Bħalma ġara fil-każ tal-MV Salamis, il-Gvern Malti kien iddeċieda li l-bastiment ried jimxi mar-regolamenti internazzjonali u jekk l-immigranti kellhom bżonn l-għajnuna dawn kellhom jittieħdu lejn l-eqreb port u mhux jidħlu Malta.

Bl-istess mod l-Awtoritajiet Maltin u Taljani kienu bagħtu tobba u ħaddiema tas-salvataġġ biex jagħtu l-għajnuna lill-immigranti li kienu fil-bżonn iżda l-bastiment spiċċa jistenna f’nofs ta’ baħar jistenna awtorizazzjoni biex jidħol f’Malta.

Simili wkoll, l-kriżi tal-MV Pinar kienet intemmet bil-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Lawrence Gonzi jċempel personalment lill-Prim Ministru Taljan Silvio Berlusconi u jsostni li l-immigranti ma kienux fil-baħar Malti meta ingħataw l-għajnuna.

Il-każ tal-MV Pinar kien għaġġel il-proċess tal-ftehim li kien intlaħaq bejn l-Italja u l-Libja f’għajnuna tas-sorveljanza tal-kosta Libjana.