Aġġornata: Il-każ tal-Kummissjoni Elettorali jispiċċa quddiem il-Qorti Kostituzzjonali; il-PL jgħid li min għandu x’jaħbi jibża’ mill-ġudizzju

Il-Partit Nazzjonalista talab lill-Qorti Kostituzzjonali biex tiddetermina jekk l-investigazzjoni tal-Kummissjoni Elettorali dwar allegat ksur tal-Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti hijiex qed tikser id-drittijiet fundamentali tal-bniedem.
Fi stqarrija, il-PN qal li kellu jieħu l-każ tal-Kummissjoni Elettorali quddiem il-Qorti Kostituzzjonali wara d-dikjarazzjonijiet ċari ta’ esperti legali u ta’ membri fil-Kummissjoni li l-investigazzjoni mill-istess Kummissjoni tikser id-drittijiet fundamentali kif ukoll il-Kostituzzjoni.
Il-PN qal ukoll li l-Qorti għamlitha ċara, f’deċiżjoni riċenti, li hi biss għandha d-dritt tgħaddi ġudizzju biex tiġi assigurata l-imparzjalità fid-deċiżjoni.
Il-PN kompla jgħid li mhijiex aċċettabbli li l-Kummissjoni Elettorali tinvestiga u tiġġudika każijiet dwar il-Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti fl-istess ħin, aktar u aktar meta l-maġġoranza tal-membri tal-Kummissjoni huwa nnominati minn Joseph Muscat u jivvutaw skont kif jaqbel lil Muscat.
Min għandu x’jaħbi jibża’ mill-ġudizzju” – Partit Laburista
F’reazzjoni, il-PL qal li min għandu x’jaħbi jibża’ mill-ġudizzju u għaldaqstant Simon Busuttil huwa falz.
Il-Ministru Owen Bonnici fakkar kif il-Kap tal-Oppożizzjoni, meta mistoqsi mill-mezzi tax-xandir, kien qal li l-Partit Nazzjonalista kien se jiddefendi l-każ u li m’għandu xejn x’jaħbi. Madanakollu, qal li llum il-PN għamel kawża biex jattakka lill-Kummissjoni Elettorali.
Il-Ministru staqsa x’inhi r-raġuni li meta Simon Busuttil jattakka lill-PL jinqeda bil-Kummissjoni Elettorali, filwaqt li meta l-Kummissjoni Elettorali titkellem fuqu, jattakaha. Staqsa wkoll x’inhi r-raġuni li l-Partit Nazzjonalista għamel l-iskema ċedoli u ħoloq is-sistema tal-fatturi foloz meta qabel ma daħlet il-Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti kien jisħaq fuq it-trasparenza.