​Il-każ ta’ Pilatus Bank “imbarazzanti” – Uffiċjal tal-Bank Ċentrali Ewropew

Iċ-Ċerpersin tal-Bord Superviżorju tal-Bank Ċentrali Ewropew (ECB) Daniele Nouy qalet li l-iżviluppi riċenti dwar Pilatus Bank f’Malta huma “imbarazzanti”.
Skont ir-Reuters, Nouy kienet qed tiġi mistoqsija dwar l-allegat ħasil ta’ flus fil-Bank ABLV fil-Latvja u dwar Pilatus Bank f’Malta. Kienu l-Awtoritajiet fl-Istati Uniti ġibdu l-attenzjoni fuq dawn iż-żewġ każijiet.
Nouy għamlet sejħa għal leġiżlazzjoni ġdida fl-Unjoni Ewropea biex kwistjonijiet “imbarazzanti” bħal dawn jiġu indirizzati.
Ir-regolatur finanzjarju fl-Estonja qal li l-ECB irrevoka l-liċenzja ta’ bank żgħir fl-Estonja, Versobank AS, fuq talba tiegħu minħabba li l-bank ma tejjibx nuqqasijiet f’oqsma bħall-ħasil tal-flus.
Il-membri parlamentari Ewropej li jifformaw parti mid-delegazzjoni li nħatret dwar il-liġi tad-dritt, kitbu lill-President tal-Bank Ċentrali Ewropew Mario Draghi biex jirtira l-liċenzja finanzjarja tal-Bank Pilatus.
Storja: Reuters