Il-każ ta’ John Dalli: xhud interrogata għal seba’ sigħat… u wara ikel u nbid

Illum kompliet tixhed Dr Gayle Kimberley, ix-xhieda ewlenija fl-interrogazzjoni tal-OLAF dwar John Dalli. Hi qalet li ġiet interrogata mid-direttur tal-OLAF Giovanni Kessler għal seba’ sigħat sħaħ, u wara ħadha tiekol miegħu. Kompliet tgħid li l-uffiċjali li nterrogawha qalula biex ma tgħid lil ħadd u biex tibża minn John Dalli u Silvio Zammit.

Kessler saħansitra qalilha li hu kien Taljan u għalhekk kien jaf kif jiġru ċertu affarijiet. Din l-investigazzjoni saret fil-Portugal, waqt li Kimberly kellha tattendi f’konferenza.

F’Marzu li għadda, Kimberley kienet qalet li hi kienet preżenti f’laqgħa li fiha, Silvio Zammit kien talab €60 miljun lil rappreżentant ta’ kumpanija Żvediża tal-isnus. Din l-investigazzjoni kienet wasslet biex tintalab ir-riżenja ta’ John Dalli minn Kummissarju Ewropew għas-Saħħa.

Madankollu, diversi MEPs sostnew li mhumiex konvinti minn dak li seħħ u qed jitolbu aktar informazzjoni dwar l-investigazzjoni tal-OLAF.

Kimberley kompliet tgħid li wara li l-OLAF interrogaw lil Silvio Zammit, infurmawha li Zammit kien irrabjat u aġitat u biex toqgħod attenta minn kull azzjoni minn naħa tiegħu. Sostniet li r-raġel tagħha mar jikkjarifika dan ma’ Zammit iżda ma ħax impressjoni li dan kien ta’ theddida għaliha.

Il-każ se jkompli jinstema f’Mejju li ġej, bil-kontro-eżami ta’ Kimberley.