“Il-każ ta’ Gaffarena qisu storja tal-mafja” – Simon Busuttil

Id-diskors tal-Ħadd tal-Kap tal-Oppożizzjoni ffoka fuq ir-rapport tal-Awditur Ġenerali b’rabta mal-investigazzjoni fuq in-negozjant Mark Gaffarena u l-artijiet li l-Gvern xtara mingħandu.
Simon Busuttil  ddeskriva l-iskandlu ta’ Gaffarena u Triq Żekka bħala “storja tal-mafja … storja ta’ nies li jħawdu”.
“Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali jikkundanna bil-kbir, u jikkonferma, għal min kellu dubju, li l-Gvern jinsab fi kriżi ta’ korruzzjoni,” qal Dr Busuttil waqt l-laqgħa politika li saret dalgħodu fil-każin Nazzjonalista f’Ta’ Sannat.
Kompla jattakka lill-Gvern billi fakkar li l-kuntratt ma’ Gaffarena sar fi Frar li għadda, meta fl-istess żmien ħareġ rapport ieħor tal-Awditur Ġenerali meta kien ikkritika lill-Gvern dwar ix-xiri ta’ €4 miljuni għall-Cafè Premier.
Il-Kap Nazzjonalista appella lill-Prim Ministru biex jerfa’ r-responsabbiltà politika u ma jfarfarhiex fuq ħaddieħor, għaliex hu huwa l-Ministru responsabbli mid-Dipartiment tal-Artijiet u li “ilu minn Mejju li għadda jkaxkar saqajh meta kien jaf il-fatti.”
Kompla jagħti dettalji dwar il-każ ta’ Gaffarena u sostna li minn wara Mejju, jiġifieri wara li l-midja kixfet dan il-każ u bdiet l-investigazzjoni, Mark Gaffarena kemm-il darba deher jitkellem ma’ nies fid-Dipartment tal-Artijiet.
Staqsa fejn kien il-Kummissarju tal-Pulizija tul dawn ix-xhur kollha ta’ stħarriġ u qal li fit-taqsima tal-Pulizija dwar ir-reati ekonomiċi, fiż-żmien li faqqa’ l-każ, kien hemm jaħdmu t-tfal tal-eks-Aġent Kummissarju Ray Zammit, li huma fin-negozju ma’ Gaffarena.
Dr Busuttil akkuża lil Gaffarena li “ħa f’idejh Kastilja, il-Pulizija u d-Dipartiment tal-Artijiet”.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni temm jgħid li fid-dawl tal-kriżi ta’ korruzzjoni li qiegħed fiha l-Gvern, in-nies qed tara alternattiva u tama fil-Partit Nazzjonalista. 
Fil-jiem li ġejjin, il-Partit Nazzjonalista se jippreżenta lill-MCESD id-dokument li ħejja dwar iggvernar ġust. 

Reazzjoni Partit Laburista:
Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li Simon Busutill attakka lill-Avukat Ġenerali u għamel pressjoni fuq il-Qorti, li trid tiddeċidi fuq kawża li għandha quddiemha.
Qalu wkoll li ħareġ il-kuntrast bejn Kap tal-Oppożizzjoni distruttiv li lest jattakka lil kulħadd u Prim Ministru pożittiv li jrid ikompli jwettaq bidliet pożittivi biex Malta tkompli timxi aktar ’il quddiem ekonomikament u soċjalment.