“Il-każ kostituzzjonali hu biss mossa ddisprata tal-Fulu” – il-familja ta’ Daphne

Fil-Qorti llum, l-avukat Maurizio Cordina li kien qed jirrappreżenta lill-familja Caruana Galizia qal li l-każ Kostituzzjonali ta’ Alfred Degiorgio huwa biss mossa ddisprata. 
L-avukat ta’ Alfred Degiorgio, magħruf bħala ‘il-Fulu’, llum deher quddiem il-Qorti Kostituzjonali fejn insista li l-espert tal-IT Martin Bajada qatt ma kellu jkun appuntat fl-investigazzjonijiet dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Ftit tal-jiem ilu, William Cuschieri, l-avukat ta’ Degiorgio, issottometta żewġ applikazzjonijiet kostituzzjonali, bit-tnejn li huma jimplikaw ksur ta’ smigħ xieraq. Apparti mill-każ ta’ Bajjada, l-applikazzjoni l-oħra tikkonċerna l-fatt li l-laptop tal-ġurnalista assassinata għadu ma nstabx.
L-argument ippreżentat illum spjega li Bajada, kien instab ħati ta’ serq u frodi fir-Renju Unit lura fl-1993, u għal din ir-raġuni ma jistax ikun imparzjali fl-investigazzjonijiet tiegħu. Qajjem ukoll mistoqsijiet dwar l-integrità tiegħu.
L-avukat sostna kif f'każ ieħor separat, Bajada kien tneħħa propju minħabba l-involviment tiegħu fil-każ tal-1993, u għaldaqstant l-istess proċeduri għandhom jittieħdu hawnhekk.
Cuschieri spjega wkoll li l-każ kontra Degiorgio ħareġ minn evidenza misjuba minn Bajada.
Skont l-avukat ta’ Degiorgio, Bajada ħadem id f’id mal-FBI li kienu qed jassistu fl-investigazzjonijiet tal-assassinju.
L-avukat tal-familja Caruana Galizia sostna li l-prosekuzzjoni għandha dmir li tippreżenta l-aħjar evidenza kontra l-akkużat, filwaqt li nsista li Bajada u l-FBI ma ħadmux flimkien.
Il-każ se jkompli jinstema’ għada.
“Il-familja Caruana Galizia trid tkun preżenti għall-każ Kostituzzjonali”
Il-familja Caruana Galizia daħħlet rikors sabiex tkun tista’ tipparteċipa fl-istadji kollha tal-każ kostituzzjonali ta’ Degiorgio, liema rikors ġie kkritikat mid-difiża ta’ Degiorgio.
Il-Qorti se tiddeċiedi dwar dan ir-rikors fis-seduta li jmiss.