Il-każ kontra Silvio Zammit magħluq minħabba l-aġir tal-eks Avukat Ġenerali

Read in English.

Qorti kostituzzjonali ordnat li tingħalaq il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Silvio Zammit, li kien assistent tal-eks Kummissarju Ewropew John Dalli, wara li kkonkludiet li d-drittijiet tal-akkużat ġew miksura bil-mod kif tmexxa l-proċess.

Bl-għeluq tal-kumpilazzjoni, ma jistax jiftaħ proċess kontra Zammit, li hu akkużat li staqsa għal €60 miljun biex tinbidel il-liġi Ewropea fuq is-snus, tip ta’ tabakk li hu legali biss fl-Iżvezja. L-iskandlu kien wassal għar-riżenja ta’ Dalli.

Il-Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili, ippreseduta mill-Imħallef Anthony Ellul, ikkundanat l-aġir tal-eks Avukat Ġenerali Peter Grech, li naqas milli jidher quddiem il-qorti 16-il darba.

Grech kien qed jimmira li jtella’ biex tixhed lil Inge Delfosse, segretarju ġenerali tal-European Smokeless Tobacco Council, li tiġġieled kontra l-projbizzjoni Ewropea fuq prodotti bħal snus. Delfosse, li għadha tokkupa l-istess kariga sal-lum, għażlet li ma tixhidx biex ma tinkriminax ruħha.

Però l-eks Avukat Ġenerali baqa’ jtawwal il-proċess billi jevita li jidher il-qorti, aġir li wassal lill-Imħallef Ellul biex jagħlaq il-każ.