‘Il-kawża tal-mewt tan-nannu kien il-virus u mhux il-kundizzjonijiet l-oħra’

Aġġornat 10:29 AM

Neputija ta’ wieħed mill-anzjani li kienu rrappurtati li mietu lbieraħ wara li nstabu pożittivi għall-coronavirus ikkritikat il-mod kif l-awtoritajiet tas-saħħa qed jinħbew wara l-kliem “kundizzjonijiet ulterjuri” fejn jidħol mewt ta’ anzjani bil-coronavirus.

Christine Scerri qalet fuq Facebook kif nannuha, George Agius, li kien wasal biex jgħalaq il-91 sena, kien jarmi s-saħħa. Sostniet li l-kundizzjonijiet li kellu qatt ma waqqfuh milli jagħmel dak li jixtieq. Spjegat li hu kien għadu jimxi waħdu, jidħak, ikanta u jiżfen, minkejja l-età avvanzata tiegħu. Insistiet li dejjem kien bniedem pożittiv u qatt ma gerger. “Il-home kont tferraħha,” irrimarkat Scerri.

Spjegat kif hu kien jaf juża t-teknoloġija b’mod sempliċi biex ikun jista’ jikkomunika mal-qraba tiegħu. Qalet ukoll kif minkejja l-età dejjeb baqa’ jieħu ħsieb lil martu.

“It-tort huwa kollu tal-marda u mhux għax inti kellek kundizzjonijiet oħra,” irrimarkat in-neputija. Qalet li ħadd ma jmissu jserraħ rasu ghax jinkiteb il-kliem li “ż-żewġ anzjani kellhom kundizzjonijiet ta’ saħħa ulterjuri.”

Insistiet li huwa “taċ-ċajt” li wieħed joqgħod għal kummenti bħal dawn, speċjalment meta jafu kemm iġġieled l-anzjan biex jipprova jgħeleb lil dan il-virus.

“Hu u anzjani oħra m’għandhomx jiġu meqjusa bħala “U iva, kienu kbar fl-età x’tistenna”. Missu kulħadd joqgħod attent, kbar u zgħar fl-età, b’rispett għal ħaddiehor jekk dejjem għadu jeżiżti r-rispett,” qalet in-neputija b’qalb maqsuma.

Intant hi qalet lil nannuha li se jibqgħu jfakkruh bħala raġel b’saħħtu li ġġieled u għamel minn kollox biex jgħix, u mhux “bħala numru ‘b’kundizzjonijiet ulterjuri’”.

Matul il-jum tal-bieraħ, il-Ministeru għas-Saħħa u s-Superintendent għas-Saħħa Pubblika ħabbru tliet mewtiet oħrajn b’rabta mal-coronavirus. Dan biex b’hekk fil-pajjiż issa tilfu ħajjithom 38 persuna minħabba l-firxa tal-virus, fil-maġġorparti tagħhom dawn kienu persuni anzjani.

Il-funeral tal-anzjan se jkun qed isir nhar it-Tnejn 5 ta’ Ottubru fis-2pm fil-Parroċċa tas-Sacro Cuor f’Tas-Sliema.

“Difnuh fi żmien 24 siegħa”

Intant, qariba oħra tal-anzjan qalet li hu ndifen fi żmien 24 siegħa u preżenti kien hemm biss erba’ membri minn familja kbira ħafna. Intant, martu tinsab imsakkra fil-kamra tagħha fid-dar tal-anzjani u lanqas biss taf li r-raġel tagħha għal aktar minn 60 sena, miet. Qalet li uliedha lanqas biss jistgħu jżuruga biex jgħidula din l-aħbar u jkunu hemm ta’ wens għaliha.

“Nitlobkom meta tisimgħu b’persuna anzjana oħra li tmut minħabba l-coronavirus, tikkunsidrawhiex bħala statistika, ftakru fit-telf tal-ħajja, fil-qsim il-qalb tal-qraba tagħha,” qalet il-mara.

https://www.facebook.com/photo/?fbid=3741994072486163&set=a.772281066124160