Il-kawża ta’ kull persekuzzjoni hi l-mibegħda – L-Isqof Grech

L-Isqof ta’ Għawex Mario Grech qal li l-kawża ta’ kull persekuzzjoni hi l-mibegħda.
Dan qalu fil-Festa Liturġika ta’ San Ġorġ Martri li saret fil-Bażilika ta’ San Ġorġ fil-Belt Victoria f’Għawdex.
Skont Mons. Grech Ġesù nnifsu jgħid li d-dinja tobgħod lill-poplu ta’ Alla għax kellha mibegħda lejh u lejn il-Vanġelu tiegħu. Qal li San Ġorġ jitkellem ukoll dwar il-mibgħeda li esperjenza.
Qal li wieħed jista’ jħares lejn San Ġorġ bħala t-tribun eroj. Żied jgħid li f’San Ġorġ wieħed jara wkoll “bniedem imżejjen bil-grazzja ta’ Alla, għax hija l-grazzja u mhux il-kuraġġ li tagħmel il-martri.”
Fi kliem l-Isqof, huma l-martri li jagħmlu l-Knisja. Qal li kellhom il-grazzja li jieħdu l-mewt għaliex stqarrew quddiem kulħadd li huma ta’ Ġesù u li jemmnu fil-kelma tiegħu. “Il-martri huma dawk li biex ma jiċħdux lil Ġesù, laqgħu s-salib li għabbiehom ħaddieħor” stqarr Mons. Grech.
L-Isqof Grech qal li l-Knisja teħtieġ Insara qaddisa. Fakkar fi kliem il-Papa Franġisku li jħeġġeġ lill-Insara jxandar ix-xhieda ta’ Kristu billi jgħix il-fidi u l-karità. Skont il-Papa kulħadd huwa msejjaħ biex ikun qaddis anke permezz ta’ ġesti żgħar.