Il-kawża ta’ Delia dwar il-kuntratt mal-VGH għandha tinstema’ – Il-Qorti

Il-Qorti taċ-Ċivil illum iddikjarat li l-kawża li fetaħ il-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, kontra l-Prim Ministru Joseph Muscat, biex il-kuntratt bejn il-Gvern u l-Vitals Global Healthcare (VGH) jiġi ddikjarat null, għandha tkompli tinstema’.
Il-kuntratt ikkonċernat huwa dak li ffirma l-Gvern biex biegħ it-tliet sptarijiet lill-VGH fl-2016. Il-Kap tal-Oppożizzjoni qed jitlob biex dawn l-isptarijiet jingħataw lura lill-pubbliku, minħabba li l-kundizzjonijiet tiegħu ma ġewx irrispettati.
Waqt is-smigħ tal-lum, id-difiża għall-Prim Ministru, l-Avukat Ġenerali u l-Awtorità tal-Artijiet, tennew li l-kawża li fetaħ Delia ma kellhiex bażi legali.
Madanakollu, id-difiża ta’ Delia sostniet li din il-kawża m’għandiex titwaqqaf hekk kif l-eċċezzjonijiet huma fil-mertu u mhux ta’ natura preliminari.
Wara li semgħet iż-żewġ naħat, il-Qorti kkonkludiet li l-kawża nfetħet skont il-liġi, u għalhekk se tkompli tinstema’ fit-28 ta’ Mejja fl-10am.